Ekonomija Lokali

Il-PN iwissi: il-Prim Ministru mhux iffukat fuq l-interess tal-familji

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija esprima t-tħassib tiegħu għall-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika llum li tikkonferma tnaqqis konsistenti fl-importazzjoni u l-esportazzjoni, indikaturi li ma joffrux aħbarijiet tajbin għat-8,000 persuna li jinsabu mingħajr post tax-xogħol. Dan wara li anke l-Kummissjoni Ewropea esprimiet it-tħassib tagħha, l-ekonomija ta’ pajjiżna qiegħda tkompli tagħti sinjali ta’ twissija, sinjali li huma ta’ inkwiet għall-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista semma’ kif, filfatt, fi statistika ppubblikata mill-NSO, jirriżulta li pajjiżna reġa’ rreġistra tnaqqis sinifikanti kemm fl-importazzjoni (3%), kif ukoll fl-esportazzjoni (18% meta wieħed jeskludi l-fjuwil).

Wara li l-Kummissjoni Ewropea rrappurtat ftit tal-jiem ilu li għall-ewwel darba mill-2006, l-esportazzjoni m’għadhiex kontributur nett għall-ekonomija Maltija, dan it-tnaqqis reġistrat ikompli jirrifletti xejriet mhux pożittivi għall-fabbriki u l-industriji li jħaddmu eluf ta’ ħaddiema. Il-Partit Nazzjonalista qal li din hi aħbar li ċertament hi ta’ tħassib għall-eluf ta’ familji li jaqilgħu l-għajxien tagħhom minnhom.

Fil-qasam tal-importazzjoni, jispikka tnaqqis sinifikanti ta’ madwar 11% fi prodotti hekk imsejħa “durable goods”, jiġifieri prodotti li l-konsumaturi Maltin u Għawdxin jixtru bil-għan li jservuhom għal tul ta’ żmien. Dawn huma prodotti li ġeneralment jinxtraw f’perjodu ta’ fiduċja u kunfidenza tal-familji. Il-Partit Nazzjonalista qal li t-tnaqqis fix-xiri ta’ dawn il-prodotti allura juri sinjali ta’ sfiduċja fil-prospetti futuri kemm tal-ekonomija b’mod ġenerali kif ukoll tagħhom bħala familja.

Dawn iċ-ċifri jibagħtu twissija importanti lill-Prim Ministru li għandu jiffoka fuq kwistjonijiet li jmissu l-għajxien ta’ kuljum tal-familji Maltin u Għawdxin, u mhux jibqa’ jehda biss fuq kif se jgħin lil tal-qalba jkomplu jiffangaw, wissa l-Partit Nazzjonalista.