Meta l-Professur Anthony Zammit kien attenda għal seduta fil-Qorti, Kenneth Ellul beda jilmenta għax ma kellux Avukat. Dak il-ħin il-Professur Zammit kien dar fuq l-Ispettur Joe Mercieca u qallu li l-mod kif ippronunċja l-kliem Ellul, għarfu bħala wieħed mill-persuni li kien attakkah f’Awwissu ta’ sitt snin ilu. Il-Professur Zammit, deputat Laburista bejn l-2008 u l-2013 qal li matul l-agressjoni semgħa lill-agressuri jindirizzaw lil xulxin bħala Gandi u Polonja. Qal li l-agressuri pprovaw jifgawh u bdew jhedduh bil-mewt. Ħin minnhom anke heddewh li kienu se jaqtgħulu s-swaba ta’ jdejh wieħed wieħed, jekk ma kienx se jagħtihom dak li kien qed jitolbuh. Huwa kien ddeskriva lil wieħed mill-agressuri bħala twil u rqiq u kien liebes maskra tal-karnival ta’ raġel xiħ. Sadanittant l-akkużat parla ma’ xi ħbieb tiegħu dwar x’kien se jagħmel u anke kien ħajjar persuna oħra biex tipparteċipa fir-reati, persuna li ma rieditx u li kienet spiċċat il-ħabs u anke kixfitu ma’ priġunieri oħra.
Il-vittma kien qal ukoll li agressur ieħor minn tlieta kien ftit iqsar u dan kien qed jagħmel użu mis-senter isserrat. L-ieħor ma nissel l-ebda kelma quddiemu. Apparti l-flus kontanti kienu serqu wkoll erba’ arloġġi tal-idejn u “cheque book” vojt tal-Bank of Valletta. Dan ħareġ meta fis-seduta ta’ filgħaxija, ta x-xhieda tiegħu l-Ispettur Joe Mercieca, li mexxa l-Prosekuzzjoni fejn qal li dakinhar kien “duty officer” fi ħdan is-CID. L-Ispettur Mercieca kien qed jixhed fil-ġuri ta’ Kenneth Ellul ta’ 39 sena mill-Furjana, iżda residenti Wied il-Għajn u magħruf bħala l-Lula b’rabta mal-każ ta’ agressjoni u serq fuq il-Professur Anthony Zammit minn Ħaż-Żebbuġ, liema ġuri beda’ t-Tnejn filgħodu, u li t-talba minn naħa tal-Prosekuzzjoni biex il-ġuri jinstema bil-magħluq ma ntlaqatx mill-Qorti.
L-Ispettur Mercieca qal fil-Qorti li kien kellem lill-Pulizija li kien għaddej mill-pjazza tar-raħal u waqqfuh diversi persuni li kienu fil-pjazza, dawn il-persuni kienu qalu lil dan il-kuntistabbli li kienu raw diversi persuni ħerġin mir-residenza tal-Professur Zammit. Il-Kuntistabbli kien għarraf mill-ewwel lill-“control room” tal-Pulizija. Il-Pulizija marru fuq il-post u deher li ma kien jidher l-ebda sgass fuq il-bieb tad-dar. Huma daħlu fid-dar għax tahom iċ-ċavetta wieħed mill-canvassers tal-Professur Zammit. Kif daħlu semgħu xi krib ġej mid-dar. Il-krib kien ġej mill-kamra tas-sodda. Wara fetħu l-bieb u sabu lill-Professur Zammit marbut b’idejh fuq wara. Il-canvasser tiegħu qal lill-Pulizija, “stqasejt lill-Professur x’ġara qalli li daħal id-dar fis-2.00 a.m, għax kellu ikla San Pawl il-Baħar. Qallu li nofs siegħa wara x’ħin daħal jorqod sab ma’ wiċċu tliet persuni mgħammda bil-balaklava u wieħed b’maskra.
Serqu €1,160, iżda l-agressuri riedu LM20,000 (madwar €47,000). Dak li kellu senter isserrat beda jagħtih. Huwa ried li jagħmilhom ċekk iffirmat iżda huma ma riedux,” xehed Mercieca. Huwa kompla jgħid li darba minnhom meta l-Professur Zammit kien attenda għal seduta tal-kumpilazzjoni, l-akkużat beda jilmenta miegħu għax ma kellux Avukat. Qal li dak il-ħin il-Professur Zammit kien dar fuqu u qallu li l-mod kif ippronunċja l-kliem l-imputat għarfu bħala wieħed mill-persuni li kien attakkah. L-Ispettur Mercieca qal li madwar il-propjetà tal-vittma hemm sistema tas-CCTV tal-Bank of Valletta u CCTV’s ta’ djar oħra, madankollu r-residenza tal-vittma ma kellha l-ebda CCTV. Dawn ġew iċċekjati kollha mill-Pulizija.
Tenna li minn dawn is-CCTV’s jirriżulta li dehru tliet persuni jaħarbu minn fuq il-post. Iż-żewġ persuni kienu twal aktar mill-medja, filwaqt li ieħor kien ferm iqsar u mbaċċaċ.
Kien għall-ħabta tal-4.15 a.m. li ħarġu żewġ persuni mid-dar tal-Professur. Daħlu fil-karozza, dak li kien xufier oriġinarjment mar fuq is-seat tal-passiġġier. Damu ftit sekondi fil-karozza, u marru jiġru lejn Triq il-Kbira f’Ħaż-Żebbuġ, għaddew tliet minuti, ħareġ it-tielet persuna li ġibed lejn id-direzzjoni tal-HSBC u ħarab. Ix-xhud qal li t-tliet persuni li ħarġu kellhom xi ħaġa f’idejhom. L-Ispettur qal li kien kellem lil sid il-bar li hemm ħdejn id-dar, fejn qal li daħal il-bar kmieni bħas-soltu u li kif kien qed jagħmel it-te, wieħed mill-klijenti ġibidlu l-attenzjoni li ħarġu żewġ persuni mid-dar tal-Professur. L-Ispettur qal ukoll li l-Pulizija kellmu wkoll lil ċertu Grace Taliana li kienet fi Triq il-Kbira għax ħarġet timxi f’dak il-ħin. Filwaqt li ma setgħet tagħraf lil ħadd minnhom, qalet li ż-żewġ persuni kellhom xi ħaġa f’idejjhom u semgħathom jgħidu xi kliem ħażin bejniethom.
Ix-xhud komplja jgħid li kienu ġew arrestati tliet persuni magħrufa mal-Pulizija, iżda li l-Pulizija ma setgħet tagħmel l-ebda konnessjoni bejn dawn it-tliet persuni u r-reat. Il-Pulizija kienet saħansitra kellmet ukoll lil |”handy man” li kien biddel is-serratura tal-Professur li qal li ċavetta tal-post kellhom diversi perusni, fosthom is-seftura tal-Professur u l-armla ta’ ħu l-Professur. L-Ispettur kien kellem lil dawn il-ħames persuni iżda ma kien hemm l-ebda każ fil-konfront tagħhom. Ix-xhud qal li ftit taż-żmien wara l-Pulizija kienet irċiviet informazzjoni dwar l-involviment tal-akkużat. Din l-informazzjoni kienet b’mod kunfidenzjali, qal li ittieħditlu stqarrija li fiha Ellul innega kollox. Il-Pulizija kienet kellmet ukoll lil ċertu Mark Anthony Ellul, ħabib ta’ Kenneth Ellul. Dan kien qal li xi xahar u nofs qabel, l-akkużat kien qalu li l-Pulizija kienet qed tibgħat għalih dwar is-serqa tal-Profs Zammit. Kenneth kien qal lil Mark Anthony li ma kellux x’jaqsam, iżda ftit taż-żmien wara fid-Detox, Kenneth Ellul kien spjega minn jheddu lil Mark Anthony Ellul dwar l-involviment tiegħu fil-każ. Kien qallu kif kienu rabtu lill-Profs Zammit, kif użaw karozza Kia misruqa u talabhom xi pillola.
Ix-xhud qal wkoll li kienu kellmu lil ċertu Christopher Shepard, ħabib tal-akkużat, u qalilna li f’April tal-2008, darba fost oħrajn l-imputat mar għandu fl-10.00 p.m. u qallu li kellhom biċċa xogħol fuq Professur f’Ħaż-Żebbuġ. Kenneth Ellul kien, skont Shepard, ħadu fil-karozza fejn hemm fetaħlu l-bagoll u urih diversi snieter isserrati, “boiler” suits, u ingwanti. Qallu biex jidħol magħhom fil-biċċa xogħol. Shepeard kien semma tliet persuni oħra. Madankollu qatt ma titieħdu passi għax ma kienx hemm provi kontrihom. Fosthom għax l-istatura li tidher fuq is-CCTV ma taqbilx ma tagħhom. Shepard kien qal lill-akkużat li ma kellux moħħ għax kienet għada kif mietet ommu. Meta seħħet is-serqa Shepard kien il-ħabs u sema’ fl-aħbarijiet. Kien kellem wieħed mill-priġuieri u qallu li dik is-serqa għamilha l-Lula,” kompla jgħid l-Ispettur Merceica.
Hekk kif beda l-ġuri l-Avukat Lara Lanfranco għamlet talba f’isem l-Avukat Ġenerali biex il-ġuri jinstema’ bil-magħluq u dan minħabba l-kariga li kien jokkupa dak iż-żmien il-vittma u minħabba ċertu artikli li deheru fuq il-midja dwar dan il-każ. Il-vittma dak iż-żmien kien Membru Parlamentari. Madankollu t-talba ma ntlaqgħetx mill-Qorti.
Il-ġuri jkompli għada filgħodu.
//= $special ?>

