Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Is-suldati tal-azzar veri qed jiġu mwarrba mill-PL – Marlene Farrugia

Is-“suldati tal-azzar veri” huma dawk li jagħtu saħħithom u jaħdmu, ulied is-suldati tal-azzar li biddlu wiċċ Malta fis-sittinijiet. Dawn ħafna drabi qed jiġu mwarrba u msikkta għax il-lealtà tagħhom hi lejn pajjiżhom u mhux lejn il-politiċi li jiġu u jmorru. Dikjarazzjoni oħra qawwija tad-Deputata Laburista Marlene Farrugia, li fl-artiklu tagħha ta’ kull nhar ta’ Tnejn f’The Malta Independent, anke din il-ġimgħa, reġgħet fetħet dak li jidher ċar li hu attakk sottili fuq il-Gvern ta’ Muscat.

F’opinjoni li ġġib it-titlu “Bricks in the Wall”, il-backbencher tal-Gvern din il-ġimgħa għażlet li tikteb dwar l-abbuż tal-poter u s-suldati tal-azzar, ftit jiem biss wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss ħareġ għonqu biex jiddefendi lil Cyrus Engerer, iżda saħanistra ddeskrivieh bħala suldat tal-azzar. Dan minkejja li Engerer instab ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali talli xerred ritratti pornografiċi tal-eks sieħeb tiegħu ma’ persuni oħrajn biex ipattihielu talli telqu u javvelieh ma’ ħbiebu u anke ma’ min iħaddmu.

Fl-artiklu taghha, Marlene Farrugia tgħid li filwaqt li s-suldati veri tal-azzar qed jiġu mwarrba u msikkta, għall-kuntrarju qed isiru attentati biex dan is-silenzju jeħodlu postu l-ħoss li qed jagħmel il-ħolqien ta’ dawk li suppost huma suldati tal-azzar ġodda, li l-unika lealtà tagħhom hi lejn il-partit jew it-tmexxija tiegħu u mhux lejn il-prinċipji bażiċi tad-diċenza umana, li huma l-pilastru ewlieni li fuqu jinbena nazzjon b’saħħtu.

Dwar il-poter, Marlene Farrugia tikteb li dan iġib responsabbiltà u aktar ma wieħed ikollu poter, aktar għandu responsabbiltà. Aktar ma jikber il-poter, aktar wieħed irid ikun b’saħħtu biex ma jħallihx jitlagħlu għal rasu. Farrugia twissi li t-tħaddim tal-poter faċli jinbidel f’abbuż tal-poter u din it-transizzjoni għall-bidu tibda minn taħt, bil-mod, iżda mbagħad toħroġ fil-beraħ, l-ewwel b’xi saħna kultant u f’xi okkażjoni insinjifikanti, iżda mbagħad dan l-aġir isir xi ħaġa regolari. Eventwalment, tkompli tikteb Farrugia, dan it-tip ta’ aġir abbużiv isir l-ordni tal-ġurnata.

Marlene Farrugia tiddeskrivi dan bħala l-“Power Bug“, li tgħid li tiżviluppa l-aktar meta dak li jkun, isib ruħu f’pożizzjoni fejn għandu s-saħħa jbiddel il-ħajja tan-nies u jibda jsir insensittiv għall-ħajja umana, tant li jibda jikkunsidra lin-nies bħal bricks fil-hajt li jistgħu jiġu wżati u mormija skont il-bżonnijiet tal-avvanz personali tiegħu.

Hi ssostni li dan il-power bug jittieħed u jibda jaffetwa nies minn kull settur tas-soċjetà, li jibdew jintimidaw lil dawk il-ftit ġenwini billi saħansitra jgħajjruhom ġakbini u tradituri. Dan talli jkunu ssieltu għad-dritt li l-familji jgħixu ħajja dinjituża f’pajjiż bi tmexxija nadifa u trasparenti, jew fi kliem ieħor, ikunu ġġieldu biex in-nies jieħdu dak li verament ikunu ġew imwegħda, issostni Marlene Farrugia.

Id-Deputata Laburista tgħid li l-abbuż tal-poter jittieħed l-aktar meta dak li jkun jispiċċa bil-poter f’idejh fuq platt tal-fidda mingħajr ma qabel tkun saret analiżi xierqa tal-karattru tiegħu u tal-kompetenzi u l-kredenzjali tiegħu. Issostni wkoll li biex jitgħatta dan l-abbuż tal-poter, ħafna drabi jintuża’ marketing aggressiv.

Marlene Farrugia tagħlaq l-artiklu tagħha billi titkellem fuqha nnifisha bil-frażi “from where I stand, all of us have to stand up and be counted“, filwaqt li tkompli li kulħadd jista’ jkun suldat tal-azzar ta’ Malta, iżda biex insaħħu dak li hu tajjeb u neliminaw dak li hu ħażin. Għalhekk, jekk verament inħobbu lil pajjiżna, kull wieħed u waħda minnha għandna mmorru nivvutaw fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew biex ngħaddu messaġġ favur iggvernar li jkun sostnebbli, nadif u onest.

Vot f’dan is-sens fl-24 ta’ Mejju hu kruċjali għal Malta daqs kemm hu għall-Ewropa kollha, ittemm tikteb Marlene Farrugia.