Futbol Sport

L-ewwel gowls Maltin jaslu kontra s-semifinalisti l-Olanda

Kif mistenni l-Olanda għaddew għas-semifinali tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena meta għelbu lil Malta 5-2 fil-Gozo Stadium u magħhom b’dan ir-riżultat ikkwalifikaw ukoll l-Ingilterra. It-tim Malti issa jagħlaq l-impenji tiegħu kontra t-Turkija l-Ħamis u wara li waslu l-ewwel gowls, issa l-istennija hi għall-ewwel punt.
Il-fatt li t-tim Malti kellu 14-il xutt li 7 minnhom kienu fil-lasta u skorja darbtejn waqt li laqat ukoll darba l-lasta, juri kemm iż-żgħażagħ Maltin baqgħu kunfidenti tul il-logħba kollha. U li ma kienx għal xi ftit tat-traskuraġni u sfortuna, l-iskor seta’ kien ferm aktar qrib anke jekk l-Olandiżi – biex wieħed isemmi kollox – laqtu wkoll darbtejn il-lasta.
L-Olandiżi ħasdu lit-tim Malti kmieni fil-partita meta wara biss ħames minuti minn cross ta’ Ould-Chikh, Steven Bergwijn kellu xutt imblukkat minn Azzopardi imma JARI SCHUURMAN fil-viċin kompla f’lasta vojta.
Il-Maltin dehru ftit maħsuda u l-Olandiżi approfittaw biex skorjaw it-tieni gowl fit-13-il minuta meta Abdelhak Nouri, li lbieraħ beda mill-bidu, żmarka lil STEVEN BERGWIJN li b’xutt qawwi xeħet fir-rokna.
It-tielet gowl wasal fis-26 minuta u għal darb’oħra reġa’ kien  JARI SCHUURMAN li bil-gowlkiper Azzopardi ħiereġ fuqu, ikkonkluda fix-xibka azzjoni tajba ta’ kontra-attakk.
Imma l-Maltin baqgħu jippruvaw jilagħbu l-futbol u ta’ dan kienu ppremjati fis-36 minuta meta Aiden Friggieri, li reġa’ kien fost l-aħjar fit-tim ta’ Soldano u ftit qabel kien għadu kif kellu gowl ċert maqlugħ minn fuq il-linja minn difensur bil-gowlkiper megħlub, fajjar xutt bix-xellug minn barra l-kaxxa li stampa mal-wieqfa, l-ballun niżel għand JOSEPH MBONG li kien pront kompla fir-rokna fil-baxx. Gowl li ġab ewforija kbira mill-pubbliku preżenti.
Imma appena minuta fit-tieni taqsima l-Olandiżi reġgħu kabbru l-vantaġġ u reġa’ kien   JARI SCHUURMAN li għeleb lil Azzopardi b’xutt angolat għal 4-1.
Fl-64 minuta l-Maltin reġgħu naqqsu d-distakk meta Mbong għadda max-xellug u xeħet lejn xeħet lejn AIDAN FRIGGIERI li minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa ma żbaljax.
Tliet minuti wara kien Jake Grech li kien għoddu skorja t-tielet gowl imma wara li ħarab in-nasba tal-offside ra l-ballun jgħaddi jħakkek ma’ sieq il-lasta.
Iżda kif jiġri spiss, għall-gowl fallut ikun hemm gowl skorjat in-naħa l-oħra u fid-69 minuta kien  STEVEN BERGWIJN li b’xutt angolat għalaq il-logħba bil-ħames gowl għall-Olandiżi u t-tieni wieħed personali.