Lokali

L-Ombudsman se jibqa’ jinvestiga każi fl-Armata

Minkejja pożizzjoni espressa mill-Ministeru tal-Intern, l-Ombudsman se jibqa’ jinvestiga każi li jressqu quddiem uffiċjali tal-Forzi Armati Maltin.

Fi stqarrija l-Ombudsman l-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino għamel referenza għad-dibattitu li sar fil-Kamra tad-Deputati fis-7 ta’Mejju 2014 fuq it-Tieni Qari tal-emendi għall-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta. F’din is-seduta l-Ministru għall-Intern u s-Sigura Nazzjonali Manuel Mallia afferma l-pożizzjoni tal-Gvern li l-Uffiċċju tal-Ombudsman m’għandux ġurisdizzjoni biex jinvestiga lmenti mill-Uffiċjali tal-Armata u li dawn l-ilmenti kellhom, “se mai”, skont l-Att lijirregola l-Armata, jinġiebu a konjizzjoni tal-President ta’ Malta mill-Kap Kmandant, permezz tal-Ministru.

L-Ombudsman qal li l-Ministru qed jistrieħ fuq ittra ta’ Uffiċjal Investigatur fl-Uffiċċju tal-Ombudsman datata 16 ta’ Ottubru 2003, li biha m’aċċettax li jinvestiga lment imressaq minn Uffiċjal tal-Armata dwar promozzjoni. L-Ombudsman diġa’ għarraf lill-Armata u lill-Ministru bil-fehma konvinta tiegħu li dik id-deċiżjoni kienet  żbaljata.

Din il-materja ġiet diskussa mal-amministrazzjoni preċedenti għal xhur sħaħ bejn l- Ombudsman, l-allura Kap Kmandant tal-Armata il-Brigadier Martin Xuereb, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-President George Abela. Dawn iddiskussjonijiet wasslu għal ftehim li jassigura li l-uffiċjali jibqa’ jkollhom dritt ta’ redress effettiv quddiem l-Ombudsman, jekk jagħżlu li jirreferu l-kwistjoni lilu.

Dan il-ftehim twassal lil uffiċjali tal-Armata permezz ta’ General Order maħruġ mill-Forzi Armati ta’ Malta fil-11 ta’ Novembru 2014. Il-ftehim tħaddem u l-Ombudsman investiga u iddeċieda numru ta’ ilmenti mressqa minn uffiċjali għolja tal-Armata.

L-Ombudsman isostni li għandu ġurisdizzjoni taħt l-Att dwar l-Ombudsman biex jinvestiga lmenti ta’ uffiċjali dwar ħatriet, promozzjonijiet, salarji u drittijiet ta’ pensjoni. Dan hu dritt li l-uffiċjali għandhom bil-liġi u li ma jistax jiġi mċaħħad lilhom.

Sakemm il-liġi u l-General Order jibqgħu fis-seħħ l-Ombudsman hu obbligat li jibqa’ jestendi l-protezzjoni tiegħu lil dawk l-Uffiċjali tal-Armata li jilmentaw miegħu li sofrew inġustizzja fir-rigward ta’ ħatriet, promozzjonijiet, salarji u drittijiet ta’ pensjoni. Hekk għamel u hekk ser jibqa’ jagħmel. Apparti korrispondenza mal-Ministeru, l-Ombudsman qed jikkomunika dwar din il-kwistjoni mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Għalhekk l-ilmenti li rċieva l-Ombudsman se jibqgħu jiġu investigati, fl-osservanza tarregoli u prattiċi applikabbli, skont liġi maħsuba biex tissalvagwardja d-dritt taċ-ċittadini għall-amministrazzjoni trasparenti u kontabbli.

L-Ombudsman ma ngħatax raġuni, ħlief għal dik żbaljata ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, għaliex l-Armata u l-awtoritajiet kompetenti qed jirreżistu li jissottomettu l-aġir tagħhom għall-iskrutinju ta’ awtorita kostituzzjonali li għandha l-funzjoni li tħares il-jedd fundamentali tal-individwu għal amministrazzjoni pubblika tajba. Hu manifestament fl-interess tal-partijiet konċernati, li jħallu l-investigazzjoni tal-ilmenti mressqa quddiem l-Ombudsman jieħdu l-kors tagħhom biex jiġi aċċertat li kollox sar skont il-ħaqq u ssewwa, fl-interess tal-uffiċjali u tal-istess Forzi Armati u l-awtoritajiet kompetenti.