Il-Qorti ma laqatx talba tal-Prosekuzzjoni biex il-ġuri ta’ Kenneth Ellul, ta’ 39 sena mill-Furjana iżda residenti Wied il-Għajn u magħruf bħala l-Lula, b’rabta mal-każ ta’ agressjoni u serq fuq il-Professur Anthony Zammit minn Ħaż-Żebbuġ jinstema’ bil-magħluq. Fil-bidu tal-ġuri, dalgħodu, l-avukat Lara Lanfranco għamlet din it-talba f’isem l-Avukat Ġenerali minħabba li dak iż-żmien Zammit kien Membru Parlamentari u minħabba ċertu artikli li dehru fuq il-midja dwar dan il-każ.
Kenneth Ellul beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Lawrence Quintano, mixli b’serq bi vjolenza u li kkaġuna feriti gravi fuq l-eks Deputat Laburista, li llum għandu 64 sena. Dan għandu jkun l-aħħar ġuri li se jippresiedi l-Imaħallef Quintano minħabba li x-xahar id-dieħel mistenni jispiċċa bl-età. Il-każ kien seħħ fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Awwissu 2008, meta dakinhar il-Professur Zammit kien safa vittma ta’ tliet kriminali li daħlu fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ serquh u sawwtuh. Ellul qed ikun mixli li fost oħrajn żamm lil Zammit kontra l-volontà tiegħu bil-ħsieb li jieħu xi flus. Ellul qed ikun mixli wkoll b’serq bi vjolenza u li kkaġuna feriti gravi fuq l-eks Deputat Laburista.
F’daru, f’Misraħ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ, il-Professur Zammit kien safa vittma ta’ tliet kriminali, li heddewh b’armi tan-nar u serquh. Ellul qed ikun akkużat ukoll li seraq karozza tat-tip Kia Avella, li t-tliet persuni waslu biha fil-post. Dakinhar, il-ħsieb kien li jaħarbu mill-post bl-istess karozza, li iżda ma kinitx startjat. Waqt ir-rekwiżitorja, l-avukat Lanfranco qalet li fit-12 ta’ Awwissu 2008, għall-ħabta tal-4.30am, il-Pulizija marret fid-dar tal-Professur Zammit wara li xi nies li kienu qed jixorbu f’ħanut tax-xorb fl-inħawi raw żewġ irġiel b’wiċċhom mgħammad jiġru ‘l barra mid-dar tal-vittma u jippruvaw jaħarbu b’karozza. Il-karozza iżda ma riditx tistartja u dawn telqu jiġru.
It-tielet persuna ntlemħet ftit wara, ħierġa mid-dar tal-Professur Zammit u telqet tiġri wkoll. Il-Pulizija kienu sabu d-dar ta’ taħt fuq u l-vittma nstab imsakkar fil-kamra tas-sodda. Hu kien marbut mas-sodda wiċċu ‘l isfel u kellu diversi grif. Wara li nħeles, l-eks Deputat Laburista qal li kien għadu kemm jasal id-dar u mar biex jorqod, u fil-kamra tas-sodda sab preżenti lill-irġiel.
Sa dak il-ħin, il-ħallelin ma kienux magħrufa, iżda tmien xhur wara, meta l-Pulizija bdew jibnu l-każ wara li xi sorsi tawhom informazzjoni mportanti u bil-vittma jagħtihom ukoll deskrizzjoni tal-akkużat, dan wassal biex l-akkużat jiġi arrestat, li qed jiċħad kull involviment tiegħu fil-każ. F’dan il-każ l-investigazzjoni mill-Pulizija kienet saret mill-ispettur Joe Mercieca. Fl-aggressjoni, Zammit safa brutalment imsawwat mit-tliet agressuri, fosthom b’daqqiet ta’ senter isserrat. Fil-ħin li damu f’daru, tnejn mill-ħallelin kienu lebsin balaklava u l-ieħor kien liebes maskra tal-Karnival b’wiċċ ta’ anzjan. Huma użaw ukoll ismijiet u laqmijiet ta’ xulxin meta bdew jitkellmu bejniethom.
Tnejn mill-ħallelin qagħdu fuq kull naħa tas-sodda u ieħor poġġa fuq żaqq il-Professur. Il-ħallelin rabtulu jdejh b’ingravata tiegħu stess u rabtulu wkoll riġlejh bil-wire tal-lampshade. Wieħed mill-ħallelin, li kien liebes il-maskra tal-Karnival, kellu pistola f’idu u beda jhedded lill-Professur biha. Wieħed mit-tnejn l-oħrajn beda jhedded ukoll lill-Professur u jagħtih daqqiet biċ-ċipp tas-senter, filwaqt li beda jagħfas l-parti ta’ quddiem tal-arma ma’ żaqqu.
Filwaqt li wieħed mill-ħallelin beda jqalleb f’diversi kmamar, it-tnejn l-oħrajn komplew isawtuh u jhedduh li se joqtluh jekk mhux se jtihom Lm10,000 (€23,343). Madankollu, l-eks Deputat Laburista qalilhom li ma kellux dawk il-flus kollha fid-dar u kompla repetutament jitlobhom biex ma jkomplux jaggreduh. Ħin minnhom, il-Professur Zammit beda jħoss uġiegħ f’sidru u beda jibża’ li kien se jtih attakk tal-qalb. Għaldaqstant, hu talab lil wiehed mill-ħallelin biex iġiblu pillola halli jpoġġiha taħt ilsienu u xi patches biex ipoġġihom ma’ sidru. Il-kriminal mar ġab dak li qallu l-Professur u poġġielu pillola taħt ilsienu, filwaqt li waħħallu tliet patches ma’ sidru, fejn urieh Zammit.
Minkejja li qallbu diversi kmamar, il-ħallelin ma sabux il-flus li riedu u minbarra li heddewh bl-armi, anke ppruvaw ideffsulu biċċa drapp f’ħalqu biex jifgawh. Wieħed minnhom saħanistra tela’ fuq għonq Zammit biex jifgah. Wara madwar sagħtejn, il-ħallelin serqu madwar €1,200 fi flus u xi oġġetti tad-deheb, kif ukoll il-mobile biex ma jkunx jista’ jċempel għall-għajjut. Kien ftit wara l-4.30am li l-ħallelin ħarġu mill-bieb ta’ quddiem, fejn kien hemm il-karozza tal-kiri tat-tip KIA Avella, ipparkjata, li marru biha l-istess ħallelin.
Din il-karozza kienet insterqet minn Wied il-Għajn fl-1 ta’ Awwissu 2008. Minn stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li l-ħallelin daħlu fir-residenza ta’ Zammit min-naħa ta’ wara, fejn kien hemm dar li dak iż-żmien kienet tinsab fi stadju ta’ kostruzzjoni. Fil-karozza li ħallew warajhom il-ħallelin, il-Pulizija sabu senter issegat fuq is-seat ta’ wara, li rriżulta li hu difettuż u ma setax ikun sparat minħabba li hu mblokkat. Dan is-senter kien irrappurtat misruq minn sidu madwar tmien snin qabel seħħ il-każ.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-ġuri qed titmexxa mill-avukati Lara Lanfranco u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li għall-akkużat qed tidher l-avukat Josette Sultana.
//= $special ?>

