Lokali

Ritratti: Diskriminazzjoni fost il-Pulizija f’fixed points: quddiem id-dar ta’ Muscat qisu uffiċċju sħiħ

Filwaqt li diversi Pulizija stazzjonati f’fixed points madwar Malta u Għawdex ikollhom joqgħodu f’kaxxa żgħira u esposti għall-elementi, il-Pulizija li huma stazzjonati quddiem id-dar tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat f’Burmarrad issa għandhom guard post ġdida, li hi prattikament uffiċċju. Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalulna li fl-aħħar ġimgħat il-guard post quddiem id-dar ta’ Muscat inbidlet għal waħda ġdida fjamanta u mgħammra bi provvista ta’ dawl, linja tat-telefon u jidher li hemm pjani wkoll biex ikollha l-arja kundizzjonata.

Filmati miġbuda minn MaltaRightNow.com jikkonfermaw li din il-police box, li fiċ-ċirkostanzi tista’ tiġi deskritta bħala lussuża, tikkuntrasta sew ma’ oħrajn madwar Malta u Għawdex, li jinsabu fi stat ħażin ħafna. Diversi Pulizija li jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol qed jikkummentaw li anke fil-każ ta’ sempliċi guard post, hemm min qed jiġi aġevolat fil-Korp. Aktar minn hekk, informazzjoni li għandna tgħid ukoll li l-Pulizija li jintbagħtu għassa quddiem id-dar ta’ Muscat mhux qed ikunu Pulizija kwalunkwe, iżda pulizija magħrufin sew għall-kulur politiku tagħhom u li fi kliem dawk li tkellmu magħna huma “suldati tal-azzar”.

Mhux magħruf jekk il-guard posts kollha hux se jkunu modernizzati b’dan il-mod, u allura l-immodernizzar kumbinazzjoni beda minn dik ta’ quddiem id-dar ta’ Muscat f’Burmarrad, inkella dan l-immodernizzar hux limitat biss għal din partikolari. Li hu żgur hu li din hi l-ewwel u l-unika guard post s’issa li ġiet modernizzata b’dan il-mod.