Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Qorti

Stefano Mallia b’kawża ta’ libell kontra l-gazzetta tal-Partit Laburista

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia fetaħ kawża ta’ libell kontra l-gazzetta tal-Partit Laburista dwar l-istorja li ppubblikat fil-ħarġa tal-bieraħ bit-titlu “€1,000 Kuljum”. Stefano Mallia qal li dan ir-rapport, li deher fil-paġna ta’ quddiem u kompla fit-tieni paġna kien intiż biex iħammeġ l-unur tiegħu. Qal li dawn mhuma xejn ħlief allegazzjonijiet foloz u malafamanti fil-konfront tiegħu u li għandhom bħala skop li joffendu l-unur u l-fama tiegħu.

Mallia qal ukoll li dan ir-rapport sar bl-iskop li l-Partit Laburista jesponieh għar-redikolu u disprezz tal-pubbliku u biex inaqqas ir-reputazzjoni tiegħu. Il-kawża ta’ libell għad-danni saret kontra l-avukat Toni Abela fil-kapaċità tiegħu ta’ Editur tal-gazzetta Laburista. Il-gazzetta allegat li Stefano Mallia kien tħallas €25,000 għal 25 ġurnata xogħol f’kuntratt mogħti lilu f’Lulju 2012 mill-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.

F’kummenti lill-ġurnalisti preżenti wara li ressaq il-libell fil-Qorti, Stefano Mallia qal li l-artiklu fil-gazzetta Laburista hu parti minn kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn. Hu qal li dan hu t-tieni libell li ppreżenta wara li f’April li għadda kien diġà fetaħ libell kontra l-ġurnal tal-GWU fuq aktar tfigħ ta’ tajn. Mallia qal li l-Prim Ministru Muscat kien qal li min-naħa tal-partit tiegħu se tkun kampanja nadifa, xi ħaġa li żgur mhux qed tiġri. Il-kandidat tal-PN qal li għax hu għandu fiduċja fl-istituzzjoni tal-Qorti, u li hemm toħroġ il-verità, iddeċieda li jagħmel libell.

Mallia qal ukoll li l-Prim Ministru ma joqgħodx għal dak li tiddeċiedi l-Qorti u dan ħareġ biċ-ċar kif aġixxa wara l-għoti tas-sentenza fil-konfront ta’ Cyrus Engerer.