Edukazzjoni Lokali

“Student Placement Programme” ġdid għall-istudenti

Università ta' Malta

Il-MITA ħabbret li se terġa’ tiftaħ l-Student Placement Programme għal taħriġ tal-istudenti ma’ kumpaniji privati fix-xhur tas-sajf.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MITA Tony Sultana spjega li l-programm jagħti esperjenza lill-istudenti li għandhom kwalifiki minn tal-inqas fil-livell erbgħa, jiġifieri li jkunu għadhom kif spiċċaw is-sixth form, li qegħdin l-Universita’ jew li qed jistudjaw fl-MCAST jew f’istituzzjonjiet privati f’dan il-livell.

Il-programm hu miftuħ għal kumpaniji li jaħdmu fil-qasam tat-teknologija tal-informazzjoni jew li għandhom operat li jiddependi fuq l-IT. L-istudenti u l-kumpaniji jistgħu japplikaw sal-25 ta Mejju biex jieħdu sehem f’dan il-programm.

Ir-rappreżentant ta’ Ixaris Systems Ltd Adrian Mizzi qal li l-kumpanija ilha tipparteċipa f’dan il-programm tal-MITA għal dawn l-aħħar tliet snin u dan wassal biex studenti jiġu eventalwament impjegati mal-kumpanija fuq bażi full-time meta lestew l-istudji tagħhom.

Chris Calleja, student tal-MCAST li ħa sehem f’dan il-programm, iddeskrivieh bħala esperjenza pożittiva għal min ikun għadu qed jistudja li tgħin ukoll lill-istudenti jagħmlu ghażliet aħjar ta’ speċjalizzazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għal Kompettitivita’ u t-Tkabbir Ekonomiku, Jose’ Herrera qal li qed issir ħidma biex f’dan il-programm jissieħbu wkoll kumpaniji multi-nazzjonali u ħeġġeġ biex aktar nisa jidħlu fil-qasam tal-IT.