Il-ġenituri tal-istudenti, li s-Sibt 10 ta’ April għamlu l-eżami tal-Engineering Drawing and Graphical Communication tal-MATSEC fil-livell Intermedjarju bagħtu ittra lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex jilmentaw li minkejja żball fil-karta tal-eżami, l-istudenti ma ngħatawx ħin żejjed bħala kumpens.
Jirriżulta li fil-karta tal-eżami kien hemm żball f’waħda mill-mistoqsijiet, li wasslet biex din il-mistoqsija ma jkunx possibbli tinħadem. L-istudenti ġew infurmati b’dan l-iżball f’nofs l-ezami. L-iżball kien f’waħda minn ħames mistoqsijiet f’Sezzjoni A, li minnha riedu jaħdmu erbgħa.
Fl-ittra, il-ġenituri lmentaw li dan l-iżball tellef lill-istudenti u li kawża ta’ hekk ħlew ħafna ħin tant li kellhom jaqbżu mistoqsija jew tnejn għax ma laħħqux fil-ħin stipulat. Minkejja dan, l-istudenti ma ngħatawx ħin żejjed biex jikkumpensa għal din is-sitwazzjoni. Huma saħansitra ġew infurmati biex jiktbu nota fuq l-istess karta tal-eżami fejn jinfurmaw lill-eżaminaturi li ma ngħatawx ħin żejjed.
Il-ġenituri lmentaw li din is-sitwazzjoni ma kinitx ġusta fuq uliedhom minħabba li ma kellhom l-ebda ħtija ta’ dan l-izball. Fid-dawl ta’ dan, huma talbu biex l-istudenti jingħataw kumpens ta’ marki minħabba li din is-sitwazzjoni ħolqot ammont ta’ stress żejjed fuq uliedhom.
//= $special ?>

