Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Votazzjonijiet għall-anzjani f’San Vinċenz de Paule u f’uħud mid-Djar tal-Anzjani

Is-Sibt li ġej issir l-ewwel parti tal-votazzjoni biex jintagħżlu s-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin. B’emendi fil-leġiżlazzjoni elettorali, ġimgħa qabel l-elezzjoni, jiġifieri fis-17 ta’ Mejju, se jkunu jistgħu jivvutaw dawk residenti f’San Vinċenz de Paule u fit-23 Dar tal-Anzjani li għandhom aktar minn 50 resident fihom (ara l-lista kollha taħt dan l-artiklu).

Ir-residenti rreġistrati sas-Sibt li għadda f’San Vinċenz u f’dawn id-Djar tal-Anzjani se jkunu jistgħu jivvutaw fir-residenza rispettiva stess biex ikun evitat l-iskariċċ u d-diffikultajiet għar-residenti nfushom. Għaldaqstant, dawk il-membri tal-familja jew persuni oħra li għandhom id-Dokument tal-Vot ta’ dawn ir-residenti għandhom jagħtu dan lill-persuna sa mhux aktar tard mill-Erbgħa li ġej, 14 ta’ Mejju.

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li jekk resident f’San Vinċenz de Paule jkun jixtieq li xi qarib jakkumpanjah mill-Ward sal-post tal-votazzjoni, għandu jitlob għal identification tag sal-Ħamis li ġej, 15 ta’ Mejju. Din it-tag tinħareġ mill-Kummissjoni stess.

Sadanittant, jumejn qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-Ħamis, 22 ta’ Mejju, se jkunu jistgħu jivvutaw dawk rikoverati fl-Isptarijiet Mater Dei, Karin Grech, Monte Carmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Hu mportanti li l-persuni rikoverati jkollhom fil-pussess tagħhom id-Dokument tal-Vot biex ikunu jistgħu jivvutaw.

Il-Kummissjoni Elettorali spjegat ukoll li fil-każ ta’ votanti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jew f’Monte Carmeli li jkunu jixtiequ xi qarib jakkumpanjahom mill-Ward sal-post tal-votazzjoni, għandhom jitolbu għal identification tag maħruġa mill-Kummissjoni stess.

Id-Djar tal-Anzjani li fihom se ssir il-votazzjoni is-Sibt li ġej huma:

Il-Ħamrun:
Dar San Pawl

Tal-Pietà:
Sa Maison Retirement Home

Bormla:
Dar tal-Anzjani

Il-Fgura:
7, Villa Robinich

Iż-Żejtun:
Dar l-Anzjani

Ir-Rabat, Malta:
Villa Messina
Dar Saura

L-Imtarfa:
Dar għall-Anzjani

L-Imsida:
Dar l-Anzjani
Marina Palace

San Ġiljan:
Casa Leone XIII
Residenza tal-Anzjani, Sptar Zammit Clapp

Ħ’Attard:
Dar Santa Katerina
Roseville

Ħal Balzan:
Casa Antonia

Il-Mosta:
Sorijiet Franġiskani ‘Pax Et Bonum’
Casa Arkati
Ċentru Anzjani
Central Home

Il-Mellieħa:
Dar il-Madonna tal-Mellieħa

In-Naxxar:
Dar Sagra Familja

San Pawl il-Baħar:
Casa Serena

Birkirkara:
Dar tal-Kleru