Lokali

Żewġ ġlidiet separati f’Paceville iħallu erba’ persuni feriti

Arkivji

Matul il-lejl li għadda, Uffiċjali tal-Pulizija kellhom jissejħu darbtejn f’Paceville wara żewġ ġlidiet separati. Għall-ħabta tas-1am, raġel ta’ 48 sena sofra feriti gravi wara li qala’ daqqa ta’ tazza. Għadu mhux magħruf min aggredixxa lir-raġel, bil-Pulizija għadha ghaddejja bl-inbestigazzjonijiet tagħha.

Sadanittant, għall-ħabta tal-5.15am fi Triq San Ġorġ, il-Pulizija reġgħet issejħet f’Paceville wara li tliet żgħażagħ sfaw attakkati minn grupp ta’ barranin armati bis-skieken. Iż-żgħażagħ, wieħed ta’ 20 u ieħor ta’ 18-il sena, sofrew feriti gravi, filwaqt li t-tielet żagħżugħ, ta’ 19-il sena, sofra biss feriti ħfief.

Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni biex ikun stabbilit min attakka liż-żgħażagħ.