Futbol Sport

Benfica biex ineħħu l-magħmul u Sevilla għat-tielet suċċess

Benfica għat-tmien darba fl-istorja tagħhom se jkunu qed jippruvaw ineħħu dik magħrufa bħala ‘l-magħmul ta’ Bela Guttman’ meta jiltaqgħu kontra Sevilla fil-final tal-Europa League li se tintlagħab l-Erbgħa fil-Juventus Stadium f’Turin. Il-logħba ser tkun kontrollata mill-Ġermaniż Felix Brych assisit minn Mark Borsch u Stefan Lupp.

Il-leġġendarju Ungeriż Guttman, kien fit-tmexxija tal-klabb ta’ Lisbona bejn l-1959 u l-1962 u kien akkwista lil Eusebio u mexxa lill-klabb lejn t-titlu domestiku kif ukoll suċċess kontintentali.

Matul t-tmexxija tiegħu l-klabb rebaħ darbtejn il-Kampjonat u żewġ tazzi Ewropej imma Guttman telaq lill-klabb wara tilwima fuq is-salarju u kien għamel dikjarazzjoni li baqgħet famuża. Li l-klabb ma kienx se jirbaħ titlu ieħor Ewropew għal 100 sena oħra.

Benfica, li tilfu tmien finali Ewropej minn dakinhar, kienu megħluba fil-final tat-Tazza taċ-Champions minn PSV bil-penalties fl-1988, u l-istaġun li għadda tilfu 2-1 fil-final tal-Europa League kontra Chelsea f’dik li kienet l-aktar telfa ta’ qsim il-qalb.

Il-gowl ta’ Branislac Ivanovic fit-93 minuta qatel kull tama ta’ Benfica fi staġun li rahom ukoll jitilfu l-final tat-Taca de Portugal (Tazza tal-Portugall) b’żewġ gowls lejn it-tmiem kif ukoll kienu mċaħħda mir-rebħ tal-Kampjonat b’telfa kontra Porto fil-logħba ta’ qabel l-aħħar.

Imma minflok ma qagħdu jilagħqu l-feriti, Benfica rrispondew bl-aħjar mod possibli meta rebħu l-kampjonat b’żewġ partiti għat-tmiem, rebħu l-final tat-Taca de Liga (League Cup) kontra Rio Ave u waslu wkoll sal-final tat-Taca de Portugal – fejn se jkunu qed jiltaqgħu kontra l-istess avversarji.

Id-difensur ċentrali u captain Luisao iżda, jinsab ħerqan li t-tim tiegħu jibqa’ konċentrat bit-tama li sa fl-aħħar jikser dak li jidher magħmul kontinentali li għandu fuqu l-klabb.

“Se tkun diffiċli ħafna. Aħna żewġ timijiet li t-tnejn għandna l-istess għan għal din il-final. Kollox se jkun deċiż f’logħba waħda u għandna rispett kbir għalihom. Nafu li hemm żewġ timijiet li se jkunu qed jikkompetu f’din il-finali.”

Il-logħba ser tintlagħab fil-Juventus Stadium fejn Benfica ċaħħdu lit-tim ta’ dan il-ground, Juventus milli jkunu huma li jilagħbu fil-final meta eliminawhom fis-semifinali biex se jkunu huma għat-tieni sena konsekuttiva li se jilagħbu fil-finali.

Sevilla hu l-aħħar tim li rnexxielu jżomm it-trofew wara li taħt Juande Ramos rebħu l-unur fl-2006 u l-2007.

Issa t-tim ta’ Unai Emery wasal sal-finali ta’ Turin f’ċirkostanzi nkredibbli meta gowl ta’ Stephane Mbia fl-94 minuta aċċertahom minn rebħa fis-semifinali kontra Valencia bil-gowl away wara li fir-round preċedenti kienu ssuperaw lil Real Betis.

It-tim minn Andalucia tilef tliet plejers importanti fil-pre-season, Jesus Navas, Avaro Negredo u Gary Medel, imma taħt Emery impressjona ħafna u se jkun qed itemm fl-ewwel sitt pożizzjonijiet f’La Liga.

L-attakkant Kevin Gameiro ħa post Negredo u skorja 21 gowl imma qed jistenna li t-tim tiegħu jitqies bħala outsider fl-Italja.

“Nafu li Benfica kellhom staġun eċċellenti wkoll. Rebħu l-Kampjonat u eliminaw lil Juventus li ma kienx faċli, speċjalment f’Turin. Imma din hi finali fuq logħba waħda u kollox hu possibli. L-importanti hu li nagħtu kollox u ma jiddispjaċina minn xejn wara. Importanti nkunu mija fil-mija fiżikament u mbagħad naraw x’jiġri.”

Jairo Samperio se jitlef il-finali għal Sevilla minħabba li se jkun sospiż għalkemm Benfica se jkollhom tliet plejers sospiżi, Lazar Markovic, Enzo Perez u Eduardo Salvio.
Anke Gameiro nnifsu hu dubjuż bi problemi fl-irkobba.

Konfronti preċedenti

Sevilla kienu spiċċaw l-istaġun 1956-57 fit-tieni post f’La Liga wara Real Madrid. Imma bis-saħħa li l-Madrileni rebħu t-titlu Ewropew dak l-istaġun, it-tim min-nofsionhar ta’ Spanja kien mistieden biex l-istaġun ta’ wara jieħu sehem fl-akbar kompetizzjoni tal-klabbs fl-Ewropa flimkien mal-holders Real.

Kien fl-ewwel esperjenza tagħhom fit-Tazza taċ-Champions li Sevilla ltaqgħu għall-ewwel darba (u l-unika darba fl-Ewropa minn dakinhar) kontra Benfica. Sevilla kienu rebħu l-ewwel leg tar-round preliminari 3-1 qabel ħadu draw mingħajr gowls f’Lisbona u avanzaw. Il-mixja tagħhom eventwalment intemmet kontra Real Madrid fil-kwarti tal-finali.

Benfica iżda diġa` lagħbu żewġ finali kontra avversarji Spanjoli u rebħuhom it-tnejn. Kontra Barcelona fit-Taxxa taċ-Champions fl-istaġun 1960-61 u kontra Real Madrid fl-istess kompetizzjoni fl-1961-62. B’kollox Benfica lagħbu 22 logħba kontra klabbs Spanjoli li minnhom rebħu ħamsa, ġew draw f’sebgħa u tilfu għaxra.

Sevilla lagħbu 16-il logħba fl-Ewropa kontra klabbs Portugiżi, inkluż erbgħa dan l-istaġun, rebpu 2-1 barra minn datohm u ġew draw 1-1 f’darhom kontra Estoril Praia fil-fażi tal-gruppi. Imbagħad eliminaw lil Porto fil-kwarti tal-finali meta tilfu 1-0 away imma rebħu 4-1 fi Spanja. B’kollox minn dawn is-16-il logħba, rebħu tmienja, ġew draw tlieta u tilfu ħamsa. Wieħed ma jistax ma jirrimarkax ukoll li Benfica waslu sa din il-finali mingħajr ma ġarrbu telfa wara li komplew miċ-Champions League fejn kienu bdew l-impenji tagħhom fl-Ewropa dan l-istaġun.