Hemm bżonn ta’ aktar sinerġija bejn l-edukazzjoni statali u dik privata għax flimkien iwasslu għal edukazzjoni aktar ħolistika li minnha jgawdi l-pajjiż kollu. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea wkoll qed tikkontribwixxi biex jogħla l-livell tal-edukazzjoni ogħla f’Malta permezz ta’ programmi edukattivi u scholarships. Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Helga Ellul qalet dan waqt żjara li għamlet fis-St Martin’s Institute fil-Ħamrun bħala parti mill-kampanja elettorali tagħha għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju.
St Martin’s Institute of Higher Education joffri korsijiet fil-Business Management u fil-Computing and Informations Systems u hu istituzzjoni affiljata mal-University of London International Programme. Fl-Istitut tas-St Martin’s bħalissa jattendu madwar 400 student u studenta fuq bażi full u part-time, li 80% minnhom huma Maltin jew minn pajjiżi oħra tal-UE u 20% huma minn pajjiżi oħrajn.
Il-Prinċipal u Fundatur ta’ St Martin’s Institute Charles Theuma qal li l-kurrikulu tal-Istitut jitfassal fuq il-ħtiġijiet tal-industrija internazzjonali u qal li l-istudenti tal-Istitut ikollhom esperjenza hands on, filwaqt li jitgħallmu jaħsbu u jressqu ideat ġodda. Il-Prinċipal tal-Istitut qal li ħafna minn dawk li jiggradwaw imorru jaħdmu ma’ kumpaniji prestiġġjużi, l-aktar fl-industrija tal-kreattività. Hu kompla li mill-aqwa 15-il dissertation internazzjonali, studenti minn St Martin’s Insitute kisbu l-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-ħames post. Dan juri l-livell għoli tal-istudenti Maltin. Hu faħħar il-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla, li kienet approvata b’vot unanimu mill-Parlament fl-2012.
Il-Kap tal-Fakultà tal-Intrapriża, in-Negozju u l-Finanzi tal-Istitut Sandra Theuma tkellmet dwar il-ħidma biex aktar studenti jkollhom esperjenza fl-industrija.
Helga Ellul saħqet dwar l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni u li l-istudenti jkunu kapaċi jsolvu l-problemi. Hi fakkret li l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker qal li l-futur tal-Ewropa hu fl-industrija u l-ekonomija diġitali.
//= $special ?>