Lokali

Conchita Wurst fiċ-ċentru tad-diskussjoni fl-IDAHO 2014 Forum li qed isir f’Malta

Il-kantanta rebbieħa tal-Eurovision ta’ din is-sena, Conchita Wurst kienet fiċ-ċentru tad-diskussjoni dwar id-drittijiet ta’ persuni gay fl-IDAHO 2014 Forum. Dan meta fiċ-Ċentru Malti għall-Konferenzi, il-Belt Valletta saret konferenza stampa konġunta mill-Ministru Malti Helena Dalli u mill-Ministru Żvediż tal-Integrazzjoni Erik Ullenhag fit-tnedija tal-IDAHO 2014 Forum, li qal li kieku Conchita Wurst ħadet sehem fil-Eurovision għoxrin jew għaxar snin ilu ma kinitx tikseb is-suċċess li kisbet.

L-IDAHO Forum huwa organizzat mill-Gvern Malti u dak Żvediż fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali kontra l-omofobija u t-transfobija u jġib flimkien gvernijiet ta’ pajjiżi differenti u s-soċjetà ċivili. L-IDAHO Forum fetaħ b’ċerimonja uffiċjali u fost dawk li tkellmu kien hemm il-Ministru Helena Dalli li qalet li l-Gvern Malti hu kommess li jagħti d-drittijiet kollha lill-persuni LGBT. Il-Forum kien indirizzat ukoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat li tkellem dwar l-importanza tal-ugwaljanza u d-diversità.

Għall-ftuħ uffiċjali tal-IDAHO 2014 Forum attenda wkoll il-konsulent tal-Gvern għad-drittijiet ta’ persuni LGBT, Cyrus Engerer li nstab ħati mil-Qorti u kkundannat sentejn ħabs fuq abbuż tal-privatezza ta’ eks sieħeb tiegħu u li xerred ritratti privati tiegħu.