F’sentenza mhux mistennija, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li individwi għandhom dritt jitolbu lis-search engine Google biex tħassar informazzjoni personali dwarhom li titla’ meta wieħed jagħmel tfittxija.
B’hekk, il-kumpanija Amerikana ġgant fil-qasam tal-Internet issa hi marbuta li temenda l-mod kif jitilgħu r-riżultati meta ssir search fuq l-internet u kull link meqjus bħala li m’għadux rilevanti jew antik, tista’ tintalab tħassru fuq talba speċifika tal-persuna.
Il-kaz tressaq minn raġel Spanjol, li lmenta dwar abbuż u ksur tal-privatezza tiegħu wara li avviż ta’ subbasta rigward propjetà li kienu ħadulu l-banek baqa’ jidher permezz tar-riżultati ta’ tfittxija fuq Google.
Min-naħa tagħha, il-kumpanija Google ddeskriviet din is-sentenza bħala diżappuntanti wara li aktar kmieni kienet qalet li jekk tiġi sfurzata tneħħi din l-informazzjoni, dan ikun jammonta għal ċensura. Google qalet li teħtieġ iż-żmien biex tanalizza l-implikazzjonijiet, hekk kif il-kumpanija kienet qed targumenta li hi responsabbli biss għat-tfittxija tal-informazzjoni.
//= $special ?>