Lokali Qorti

Ħabib tal-Professur Zammit jgħid li sabu lill-eks Deputat Laburista għarwien, marbut u jingħi

Il-Professur Anthony Zammit instab wiċċu l-isfel, għarwien, marbut u beda jingħi bl-uġiegħ. Dan ħareġ mix-xhieda ta’ ħabib tiegħu, li kien l-ewwel xhud fit-tieni jum tal-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Laurence Quintano. Fil-ġuri, Kenneth Ellul, ta’ 39 sena mill-Furjana u residenti Wied il-Għajn, qed jiġi akkużat li seraq, sawwat u ħebb għall-Professur Zammit meta daħal ma’ żewġ persuni oħra fir-residenza tiegħu f’Awwissu 2008.

L-ewwel xhud fit-tieni jum tal-ġuri kien Philip Schembri, sieħeb il-Professur Zammit u li qal li kien ilu jaf lill-vittma, li bejn l-2008 u l-2013 kien Deputat Laburista. Philip Schembri qal li l-mara tiegħu Carmen kienet ukoll issajjarlu u hu kien jagħmillu xi xogħol ta’ manutenzjoni fid-dar. Qal li fl-għodwa ta’ ġurnata f’Awwissu 2008 kien rieqerd u bejn l-4am u l-4.30am sema’ l-mobile u nħasad għax ħaseb li kien ġara xi ħaġa lit-tfal. Min ċempel qallu li kien sid il-garaxx ta’ ħdejn il-Professur Zammit u dan qallu li lill-eks Deputat Laburista kienu daħlulu.

Schembri ħaseb li dan kien qed jiċċajta, iżda l-ieħor irrepeta li kien qed jgħidlu l-verità. Ix-xhud qal li hu dlonk informa lill-mara u qam. Ħames minuti wara, qal ix-xhud, reġa’ ċempel it-telefon u kien Pulizija identifikat bħala Mario “il-Giża”, li qallu biex imur għand Anthony Zammit. Meta libes ta’ malajr u mar fil-post, sab lis-sid tal-bar tal-inħawi u kif daħlu semgħu lill-Professur, li kien għarwien, jingħi. Kompla jgħid li kien il-Pulizija li faqa’ l-bieb ġewwa. Tenna li l-vittma kien wiċċu ‘l isfel mimli grif u kif rawh f’dik is-sitwazzjoni ħallewlu l-ħbula li kellu miegħu peress li kien marbut b’xi flexiwire. Wara ċemplu lit-tabib, bil-Pulizija jċempel lil tas-CID. Lill-vittma niżżluh fil-bitħa u dan baqa’ jokrob bl-uġiegħ. Qalilhom li kienu daħlu fuqu u sawwtuh, filwaqt li talbuh il-flus.

Dwar iċ-ċavetta tad-dar, ix-xhud qal li dejjem kienet tkun fuqu u kien jiftaħ kull meta jkun hemm bżonn, fosthom bħal meta xi ħadd imur biex isewwilu l-kompjuter u anke kien darba ċempillu għax kienu se jġibulu vetrina. Waqt il-kontro-eżami tal-Avukat Difesnur Josette Sultana, hu qal li il-bieb tal-kamra tas-sodda kien magħluq u l-Pulizija kien faqa’ l-bieb ġewwa.

Wara xehdet il-mara ta’ Schembri, Carmen, li qalet li kienet tmur għand l-eks Deputat Laburista biex tnaddaflu bejn l-2006 u l-2012 u li hi kellha ċ-ċavetta tad-dar tiegħu, li kienu tahielha l-istess Zammit. Tiftakar li dakinhar tal-inċident kienu ċemplu lil żewġha u qalulu li kien ġara xi ħaġa lill-Professur Zammit. Hi ma marritx fil-post dak il-ħin, iżda marret filgħaxija, meta kien hemm diversi persuni tal-familja tal-vittma.

Xehed ukoll Alfred Cauchi, li qal li ilu jaf lill-Professur Zammit sa minn mindu kien għadu l-Università. Hu kien ukoll jagħmillu xi xogħol ta’ manutenzjoni u darba kien ukoll bidillu s-serratura tal-bieb ta’ barra. Meta jitolbu, għadu jgħinu u ftit ilu kien bidillu l-pompa tal-bir.

Xehed ukoll is-Sindku taż-Żurrieq Ignatius Farrugia, li qal li minbarra li hu Sindku, imexxi negozju tas-saħħa u s-sbuħija, fejn hemm ukoll clinics li jpoġġi fihom il-Professur Zammit. Hu qal li dak iż-żmien, il-Professur kien ikun fil-klinika tiegħu u jiftakar li kien hemm familja li stiednithom biex imorru jieklu San Pawl il-Baħar. Il-vittma mar bil-karozza Ħaż-Żebbuġ, għadda għalih u wara l-ikla wasslu d-dar ta’ Ħaż-Żebbuġ. Hu ħallieh ħdejn il-Każin ta’ San Filep.

Wara, xehed ukoll il-Maġġur Joseph Borg, li dak iż-żmien kien Surġent. Qal li meta daħal fid-dar tal-vittma, il-Pulizija kollegi tiegħu kienu diġà ħallew lill-Professur Zammit. Ma jidhirx li kien hemm sgass, iżda kien hemm il-kamra tas-sodda u l-kċina li kienu mqallbin. Qal li skont ma kien qallu l-eks Deputat Laburista, kienu nsterqu €1,160 minn fuq il-gradenza, arloġġ tal-fidda u mobile.

Wara, xehdu Karl Glanville, Charlà Casha u Daniel Abela, li kienu maħturin scene of crime officers. Dawn ħadu r-ritratti u elevaw oġġetti minn fuq ix-xena tar-reat. Huma spjegaw lill-ġurati ix-xeni tar-residenza u tal-madwar tal-vittma, filwaqt li bdew juru l-ħafna ritratti li kienu ġibdu fil-post.

Xehed ukoll il-Perit Richard Aquilina, li ddeskriva d-dar tal-Professur Zammit bħala labirint u qal li min daħal jisraq qiesu kien jaf il-post sew.

Il-każ kien seħħ fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Awwissu 2008, meta l-Professur Zammit kien safa vittma ta’ tliet kriminali li daħlu fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ, serquh u sawwtuh. Kenneth Ellul qed ikun mixli li fost oħrajn żamm lill-Professur Zammit kontra l-volontà tiegħu bil-ħsieb li jieħu xi flus. Ellul qed ikun mixli wkoll b’serq bi vjolenza u li kkaġuna feriti gravi fuq l-eks Deputat Laburista.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-ġuri qed titmexxa mill-avukati Lara Lanfranco u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li għall-akkużat qed tidher l-avukat Josette Sultana.