Sport Waterpolo

Il-Kampjonat tal-Waterpolo jibda b’round preliminari bejn 10 timijiet

Din s-sena fil-kampjonat BOV tal-Waterpolo tas-sajf li se jibda fis-6 ta’ Ġunju, se jkunu ntrodotti l-promozzjonijiet u r-relegazzjonijiet. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċċji Ġenerali tal-BOV f’Santa Venera, indirizzata miċ-Chief Officer tal-BOV Anthony Scicluna u Joe Caruana Curran bħala President tal-ASA. Matul il-konferenza ttellgħu wkoll il-poloz tal-logħob.

Caruana Curran qal li għaxar timijiet se jkunu qed jieħdu sehem fil-Kampjonat tas-sajf u parti kbira minnhom urew ix-xewqa li jieħdu sehem fil-Premier League. Għaldaqstant il-kampjonat se jibda b’round preliminari b’żewġ gruppi ta’ ħames timijiet li ttellgħu skont kif ikkwalifikaw fil-kampjonat tas-sena li għaddiet.

Neptunes u San Ġiljan tpoġġew bħala seeds nru 1 f’ras kull grupp u b’hekk se jkunu qed jevitaw lil xulxin fil-preliminari.

Grupp A se jkun iffurmat minn Neptunes, Sliema, Valletta, M’Scala u ta’ Xbiex waqt li Grupp B se jkollu lil San Ġiljan, Sirens, Exiles, Otters u M’Xlokk. Kull tim se jkun qed jiltaqa’ darba mat-timijiet l-oħra fil-grupp u l-ewwel partiti se jkunu Neptunes v M’Scala u Valletta Ta’ Xbiex fis-6 ta’ Ġunju minn Grupp waqt li l-għada jintlagħbu żewġ konfronti min Grupp B San Ġiljan v Otters u Exiles v M’Xlokk. Wara dan ir-round l-ewwel tlieta minn kull grupp, jilagħbu fil-Kampjonat Premier li b’hekk se jkun iffurmat minn sitt timijiet filwaqt li l-aħħar tnejn f’kull grupp, jiffurmaw l-erbgħa timijiet fl-Ewwel Diviżjoni.

Il-Kampjonat BOV Premier se jintlagħab fuq żewġ rounds u l-logħob dirett li se jintlagħab fir-rawnd preliminari se jkun jgħodd ukoll għall-ewwel round.

Fl-aħħar tal-Prermier League, l-ewwel tlieta jilagħbu żewġ rounds oħra bejniethom f’dik li qed tissejjaħ Championship Pool li minnha joħroġ ir-rebbieħ waqt li l-aħħar tlieta jilagħbu f’żewġ rounds oħra tar-Relegation Pool li minnha jiġu determinati t-timijiet mir-raba’ sas-sitt post. Il-punti li jkunu kisbu t-timijiet waqt l-ewwel fażi tal-kampjonat jibqgħu jintirtu fiż-żewġ pools.

Il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni se jintlagħab fuq erba’ rounds fejn anke hawn il-logħob dirett fir-round preliminari jibqa’ jgħodd għall-ewwel round.

F’każ ta’ punti ndaqs il-klassifika tiġi deċiża bid-differenza tal-gowls fil-konfronti diretti.

Meta jkun intemm il-logħob kollu, l-aħħar tim fir-Relegation Pool jilgħab fi play-out fuq l-aħjar minn tliet logħbiet kontra ċ-Champion tal-Ewwel Diviżjoni. Ir-rebbieħ, is-sena ta’ wara jilgħab fil-Premier League waqt li t-tellief imur fl-Ewwel Diviżjoni.

Caruana Curran qal li t-timijiet tradizzjonalment meqjusa żgħar qed isaħħu l-iskwadra u se joffru aktar kompetizzjoni u divertiment. Hu qal li dan it-tibdil jirrikjedi numru akbar ta’ referees u se jerġa’ jkun hemm numru ta’ referees barranin jassistu lil dawk Maltin fiż-żewġ diviżjonijiet.

Anthony Scicluna qal li s-suċċess li kiseb dan l-aħħar it-tim nazzjonali tal-Waterpolo hu prova ċara tal-livell għoli f’pajjiżna. “Bir-rebħ tal-midalja tad-deheb tan-Nazzjionijiet tal-UE u r-rebħ tal-midalja tal-fidda fil-Kampjonati tal-Commonwealth, il-Waterpolo Malti għaddej minn perjodu tad-deheb li jippreparana għal sajf ta’ kompetizzjoni interessanti.”

L-istaġun tas-Sajf se jkun qed jiftaħ it-Tlieta 3 ta’ Ġunju bil-partiti tradizzjonali għat-Tazza Għ.Ġ.S. Bejn Valletta United u M’Scala fis-6.45 p.m. u warajha l-logħba għat-Tazza tal-President fit-8 p.m. bejn Neptunes u Sliema.