Il-ġimgħa d-dieħla se jibda proċess parlamentari biex l-emendi dwar il-ħarsien tal-annimali jsiru liġi. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fi żjara li għamel fil-Funny Farm, fiż-żona ta’ San Niklaw, is-Siġġiewi.
Roderick Galdes fisser li dawn l-emendi se jinkludu pieni ġodda, it-tisħiħ tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali u aktar saħħa lill-ħaddiema fi ħdan dan id-dipartiment f’każi ta’ moħqrija ta’ annimali. L-emendi jkopru wkoll it-twaqqif ta’ kummissarju dwar il-ħarsien tal-annimali.
Dwar il-Funny Farm, is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fisser kif din l-organizzazzjoni mhux governattiva kienet tieħu ħsieb iż-żwiemel minn post privat fil-Bidnija.
Ġara li din l-NGO kienet qed tfittex post alternattiv u għalhekk talbet l-għajnuna mingħand il-gvern. Is-Segretarju Parlamentari Galdes spjega kif il-gvern alloka art, li kienet abbandunata, minn fejn l-NGO tista’ tkompli twettaq il-ħidma tagħha.
Din l-art kienet tintuża bħala mitjar fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija mbagħad intużat għal skop agrikolu sakemm ġiet abbandunata. Il-Funny Farm, li jilqa’ madwar 20 żiemel, ilu jaħdem minn San Niklaw, is-Siġġiewi għal dawn l-aħħar ġimagħtejn.
//= $special ?>

