Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-fotografu Jason Borg

Il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà mal-fotografu ta’ The Times Jason Borg, li ġie aggredit waqt li kien qed jagħmel xogħlu. Il-Partit Nazzjonalista qal li Jason Borg ġie trattat bi vjolenza mill-gwardjani tas-sigurtà tal-Isptar Mater Dei, li ppruvaw iwaqqfuh milli jieħu ritratti ta’ vettura li kienet qabdet in-nar fil-car park tal-isptar.

Jason Borg kien qed jagħmel xogħlu bħala fotografu ta’ ġurnal lokali. Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-media għandha tingħata l-libertà kollha sabiex tagħmel xogħlha u twassal l-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti liċ-ċittadin, u mhux tiġi mxekkla milli tagħmel dan, speċjalment minn persuni li suppost qed jaħdmu biex jiżguraw l-ordni.

Sadanittant, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna mingħajr riservi l-attakk minn uffiċjali tas-sigurtà fuq il-fotografu ta’ The Times of Malta, Jason Borg, waqt il-qadi ta’ dmirijietu, meta dan il-fotografu kien qed jiġbed ritratti ta’ vettura li ħadet in-nar fil-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li ma jista’ qatt jaċċetta tfixkil fi kwalunkwe forma, iktar u iktar meta dan ikun akkumpanjat bi vjolenza, fuq ġurnalisti li jkunu qed jaqdu dmirijiethom fil-ġurnata tax-xogħol tagħhom.

Waqt li jtenni li vjolenza fuq ġurnalisti qatt ma tista’ tkun tollerata, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin japprezza l-azzjoni immedjata li ttieħdet mill-kumpannija tas-sigurtà li tagħha l-uffiċjali nvoluti huma membri, u l-awtoritajiet tal-isptar, biex dan l-inċident ikun investigat mingħajr dewmien.