Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta Mozzjoni lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, li permezz tagħha pazjenti Maltin li huma fuq il-waiting list għandhom jingħataw l-opportunità li jagħmlu l-interventi tagħhom fi sptarijiet privati Maltin. Il-Mozzjoni kienet ippreżentata mill-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Claudio Grech. Attenda wkoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.
Il-Mozzjoni tipproponi wkoll li jiddaħħal il-prinċipju li pazjent li jkun intitolat li jibbenefika mill-provvedimenti tal-Cross Border Healthcare Regulations ikun jista’ jagħżel bejn jekk jagħmilx l-intervent barra minn Malta jew fil-privat f’Malta stess. Mario de Marco qal li din il-proposta se tgħin biex tonqos il-waiting list, filwaqt li fakkar li hemm madwar 15,000 persuna li ilhom aktar minn sena jistennew għal operazzjoni jew intervent kirurġiku ieħor. Hu qal li l-PN jemmen li għandu rwol fit-tfassil u fit-twettiq tal-politika dwar is-saħħa.
Min-naħa tiegħu, Claudio Grech spjega li biex pazjent jibbenefika jrid ikun intitolat u approvat li jista’ jieħu l-kura barra minn Malta ħalli ma tiżdiedx l-ispiża tal-Gvern. Hu qal li dan ikun ta’ benefiċċju finanzjarju għall-pazjent u jnaqqas l-iskariġġ tal-pazjent u ta’ qrabatu. Dan iwassal ukoll biex tonqos il-waiting list fl-Isptar Mater Dei, filwaqt li s-settur privat tas-saħħa jkun jista’ jikber u jsir sieħeb tal-Gvern. Claudio Grech ippropona li d-dettalji tal-Mozzjoni jkunu jistgħu jiġu diskussi fil-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa, li twaqqaf fuq proposta tal-Oppożizzjoni u awgura li jintlaħaq kunsens.
L-iSpeaker Anġlu Farrugia qal li din hi inizjattiva ta’ nteress nazzjonali u ż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom l-interess li l-waiting list titnaqqas.
//= $special ?>