Il-Partit Nazzjonalista jixtieq li jara iktar investiment fl-infrastruttura tal-isport f’pajjiżna u fl-għaxar snin li għaddew sar titjib kbir f’dan is-settur. Parti mill-pakkett finanzjarju li Malta kisbet mill-Unjoni Ewropea għas-seba snin sal-2020, jeħtieġ li jintuża wkoll għall-aktar faċilitajiet sportivi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt żjara li saritlu fid-Dar Ċentrali minn numru kbir ta’ atleti u amministraturi tal-Aquatic Sports Association u mill-Malta Basketball Association.
Attendew ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport, Robert Cutajar u l-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Simon Busuttil feraħ lit-tim tal-kbar tal-waterpolo li kiseb midalja tal-fidda fit-Tournament tal-Commonwealth u anke rebaħ l-8 Nations Tournament. Hu feraħ ukoll lit-tim taż-żgħar ta’ taħt is-17-il sena li rebaħ l-8 Nations Tournament filwaqt li feraħ ukoll lil għawwiema li kissru numru ta’ rekords nazzjonali.
Hu awgura wkoll lis-7 timijiet tal-basketball li se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta f’tournaments differenti.
Simon Busuttil fakkar ukoll li bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju l-Partit Nazzjonalista se jorganizza Konferenza Nazzjonali bit-tema “L-isport f’Malta … il-pass li jmiss”.
Il-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana u l-President tal-ASA Joe Caruana Cuirran irringrazzjaw lil Simon Busuttil għal din il-laqgħa u qalu li tajjeb li l-PN jagħti importanza kbira lill-isport li hu wkoll parti mill-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ.
//= $special ?>