Transfers biex jiġu akkomodati pulizija lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Il-Korp tal-Pulizija jinsab bi kriżi ta’ riżorsi umani, hekk kif wara li maltarightnow.com diġa’ żvela fl-aħħar ġimgħat li l-membri tal-Korp ilhom bi stop leave minn qabel l-Għid, f’dak li hu perjodu itwal mis-soltu, issa li baqa’ ftit ġranet għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Pulizija lanqas jistgħu jieħdu l-off duty li huma eliġibbli għalih.
Fil-fatt, maltarightnow.com hu nfurmat li fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali, il-pulizija se jibdew jaħdmu tmien sigħat, u jieħdu tmien sigħat off. Din hi sistema differenti minn dik tas-soltu, li jfisser li kull ma jkollhom mistrieħ bejn shift u ieħor huwa tmien sigħat, li jinkludi l-ħin biex wieħed jivjaġġa mix-xogħol għad-dar u mid-dar għax-xogħol.
Diversi pulizija jinsabu rrabjati għall-fatt li għall-ewwel darba, qed jispiċċaw jaħdmu ħafna aktar sigħat milli suppost. Is-sorsi tagħna fil-Korp qalulna li dan hu kollu tort ta’ żbalji fl-amministrazzjoni, b’mod speċjali wara l-ammont kbir ta’ transfers li ngħataw bl-addoċċ, kif ukoll promozzjonijiet lil ċertu pulizija. Madanakollu, dan ifisser ukoll li l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu jħallas eluf ta’ ewro żejda f’siegħat twal ta’ overtime.
Sa issa, għadu mhux stabbilit kemm dan ix-shift se jibqa’ fis-seħħ, għaliex l-uniku tweġiba li qed jingħataw il-pulizija mit-tmexxija tal-Korp hija li jekk ikun hemm xi tibdil jiġu nfurmati. Tant il-Korp jinsab fi kriżi, li dan il-ġurnal jinsab infurmat li ttieħdet id-deċiżjoni biex l-ALE tingħaqad mar-Rapid Intervention Unit, għaliex bħalissa m’hemmx biżżejjed pulizija fit-toroq Maltin.
Fl-aħħar xahar, il-pulizija diġà kienu ristretti ħafna f’xogħlhom, għaliex ilhom bi stop leave mill-11 ta’ April, b’għajdut fil-korp saħansitra jindika li l-istop leave jista’ jibqa’ għaddej sa nofs is-sajf.
Madanakollu, l-istop leave u s-sigħat żejda mhumiex l-uniċi problemi li qed jiffaċċjaw il-pulizija. Fl-aħħar siegħat, tħabbru numru ieħor ta’ transfers, bis-sors ta’ dan il-ġurnal jgħidu li dawn ġew deċiżi minn fuq biex jiġu akkomodati pulizija li bdew jheddu li mhux se jivvutaw fl-elezzjoni tal-ġimgħa d-dieħla.
maltarightnow.com jinsab infurmat, saħansitra, li kien hemm pulizija li rċevew erba’ transfers f’anqas minn ġimgħa, u hawnhekk fejn saħansitra qed tidħol id-diskriminazzjoni. Is-sorsi tagħna qalulna li kien hemm erba’ Maġġuri li talbu biex jiġu trasferiti lejn Għawdex. F’dan il-każ, intgħażlu min kien fit-tieni u fir-raba’ post fost dawk li kien ħaqqhom it-transfer. Min ġie l-ewwel u min ġie t-tielet, għal xi raġuni, ma ngħatawx it-transfer kif mitlub u kif suppost. Issa, minflok maġġur wieħed, hemm tlieta f’Għawdex.
Każ partikolari kważi lanqas jitwemmen fejn maġġur tingħata transfer mis-sezzjoni tat-traffiku għall-Għassa taż-Żejtun. Nofs siegħa wara tiġi nfurmata li t-transfer tagħha ġie miżmum. Fil-jumejn ta’ wara, reġgħet irrappurtat għax-xogħol fis-sezzjoni tat-traffiku. Imbagħad, ingħatat transfer għall-għassa ta’ San Ġiljan u l-għada tintbagħat l-għassa tal-Ħamrun.
//= $special ?>