“Il-politika tqis lill-bniedem bħala parti mis-soċjetà iżda s-soċjetà trid tgħinu biex jibqa’ jgħix fid-dinjità”. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi żjara li għamel għand il-Moviment Hospice f’Ħal Balzan. Simon Busuttil apprezza l-ħidma tal-Moviment Hospice, li jżomm id-dinjità tal-bniedem għax hi imprezzabbli u mingħajrha mhu xejn.
Il-Kap tal-PN u Kap tal-Oppozizzjoni stqarr li s-soċjetà għandha tkun grata lejn is-servizzi kbar li jagħti l-Moviment Hospice b’risq persuni morda bil-kanċer u lill-qraba tagħhom. Simon Busuttil irrefera għall-proġetti tal-Moviment Hospice, fosthom li jkollu In-Patient Unit, u hawn appoġġja u inkoraġixxa lit-tmexxija tal-Moviment biex il-ħolma ssir realtà. Il-Kap tal-PN qal li fil-qasam tas-Saħħa, il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien b’kunsens. Hu rrefera għall-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa li twaqqaf u diġà qed jaħdem fil-Parlament.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-Mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Parlament biex id-dritt li tagħti d-Direttiva tal-UE lil min ikun ilu jistenna biex isirlu intervent mediku li jsiefer b’xejn għall-kura fi sptar privat barra minn Malta, jiġi estiż ukoll għal stparijiet privati lokali. Din il-proposta hi intiża li tkompli tnaqqas il-waiting lists.
Fiż-żjara tiegħu fil-kwartieri tal-Moviment Hospice f’Ħal Balzan, il-Kap tal-PN, li kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech, ingħata tagħrif dwar ħidmet il-Moviment Hospice miċ-Chairperson Laura Cascun u mill-General Manager Kenneth Delia. Simon Busuttil iltaqa’ u tkellem ma’ wħud mill-ħaddiema, kif ukoll ma’ numru ta’ voluntieri. B’kollox, il-Moviment Hospice jimpjega 20 persuna full-time u jara kważi 1,000 pazjent fis-sena, b’madwar 15-il każ ġdid jitressqu quddiem il-Moviment kull xahar.
Il-Viċi Chairperson tal-Moviment Hospice Vincent Zammit wera tħassib li fl-aħħar sena ma sar ebda pass mill-Gvern biex jgħin lill-Moviment Hospice biex jixtri biċċa art u jiżviluppaha f’In-Patient Unit.
Hu qal li taħt il-Gvern preċedenti kienu identifikat seba’ siti, iżda kollha kellhom xi problema. Fl-aħħar sena kienu saru taħditiet mal-Ministru Godfrey Farrugia, iżda laqgħa mal-Ministru Konrad Mizzi li kienet skedata għall-ġimgha d-dieħla, ġiet posposta għall-ġimgha ta’ wara.
//= $special ?>