Internazzjonali

Jarrestawh talli ‘ivvinta l-informazzjoni’

L-awtoritajiet komunisti taċ-Ċina arrestaw raġel li, skont huma, ‘ivvinta’ u għadda l-informazzjoni lil websajt tal-aħbarijiet Ċiniża li twaqqfet fl-Istati Uniti.

Ir-rapporti qalu li r-raġel, Xiang Nanfu, ta’ 62 sena, ippubblika ‘l-istejjer foloz’ fuq il-websajt Boxun u b’mod li għamel ‘ħsara kbira lid-dehra u r-reputazzjoni taċ-Ċina’.

Il-websajt Boxun jiċċirkola l-istejjer dwar protesti u l-impenji b’risq id-drittijiet tal-bniedem li ma jidhrux fil-media uffiċjali taċ-Ċina, li taqa’ taħt il-kontroll strett tal-Istat.

Intant, l-arrest ta’ Xiang qajjem it-tħassib fi żmien meta l-awtoritajiet Ċiniżi qed jieħdu passi biex jikkontrollaw l-Internet. Dan qabel il-25 anniversarju tal-massakri tad-dimostranti u studenti li kienu seħħew, fl-1989, taħt idejn is-suldati taċ-Ċina fl-inħawi ta’ Pjazza Tiananmen ta’ Beijing.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Ċiniża, Xinhua, qalet li Xiang kien ilu mill-2009 juża l-websajt Boxun biex jippubblika ‘l-istejjer li ma kellhom l-ebda bażi fir-realta’. Uħud mill-istejjer (li jikkonċernaw liċ-Ċina) ibbażaw fuq temiet diversi bħas-serq tal-organi mingħand in-nies ħajjin: il-ħtif tal-artijiet mill-awtoritajiet u l-vjolenza min-naħa tal-pulizija.

Skont l-aġenzija Xinhua, Xiang spiċċa arrestat kmieni dan ix-xahar, u fejn kien kostrett li jammetti ‘d-delitti tiegħu’ fuq it-televiżjoni tal-Istat. L-allegata ammissjoni hi parti minn sensiela ta’ ‘ammissjonijiet’ tipiċi mingħand persuni li spiċċaw arrestati fiċ-Ċina b’konnessjoni ma’ aġir relatat mal-istampa u l-Internet.