Lokali

Laqgħa dwar il-ħaddiema tal-MIA tħassret għax l-uffiċjali tal-GWU ma jattendux għaliha

Laqgħa li kienet skedata llum bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), il-General Workers Union (GWU) u l-amministrazzjoni tal-Malta International Airport (MIA) tħassret wara li ħadd mill-uffiċjali tal-GWU ma attenda għal-laqgħa.

Fi stqarrija, il-UĦM spjegat li minħabba li l-laqgħa tħassret, l-uffiċjali tal-UĦM u d-delegati tal-ħaddiema ma tħallewx jidħlu jitkellmu mal-amministrazzjoni tal-kumpanija. Dan wara li l-laqgħa tħassret waqt il-ħin li kienet skedata u mhux bi pre-avviż, kif normalment jiġri.

Fil-laqgħa kellu jiġi diskuss il-futur tal-impjieg tal-ħaddiema tal-MIA. Bil-management qed jipprova jwelli x-xogħol lill-kumpaniji privati, hemm ċans li jitnaqqru l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Barra minhekk, il-UĦM tinsab imħassba wkoll għall-fatt li dawn il-ħaddiema se jiġu trasferiti mal-kumpaniji u se jitilfu l-impjieg tagħhom mal-MIA. Fl-istqarrija, il-UĦM qalet li tinstab inkwetata kif fl-aktar mument kruċjali għall-ħaddiema tal-MIA, il-kwistjoni tal-ħaddiema spiċċat ballun bejn il-management tal-MIA u l-GWU.

U min-naħa tagħha, fi stqarrija l-GWU kkonfermat li ma attendietx għal din il-laqgħa. Il-Union qalet li ma ħassitx li jkun etiku tattendi għal din il-laqgħa, li sejħitilha ta’ informazzjoni, meta għada se jsir il-proċess ta’ verifika biex ikun stabbilit min bejn il-UĦM u l-GWU jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-ħaddiema. Fl-istqarrija, il-GWU ċaħdet li abbandunat in-negozjati tal-ħaddiema tal-MIA.