Il-Ministru responsabbli mill-Familja Michael Farrugia wkoll iddefenda lil Cyrus Engerer, li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell Kriminali li seraq mill-kompjuter tal-eks maħbub tiegħu ritratti privati u mbarazzanti ħafna tiegħu ma’ rġiel oħrajn. Hu seraq ukoll email addresses tal-kollegi kollha tax-xogħol tal-eks sieħeb tiegħu biex jibgħatilhom dawn ir-ritratti.
Michael Farrugia ħa l-istess pożizzjoni li ħadu l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Helena Dalli. Huma qed jiddefendu lil bniedem li, kif ikkummentaw diversi kummentaturi minn meta ħarġet is-sentenza tal-Qorti sal-lum, instab ħati li wettaq reat omofobiku u li jilgħab fuq il-preġudizzju u l-mibegħda kontra l-gays. Dan kien reat vendikattiv u maħsub b’mod biex itellef lill-vittma l-karriera tiegħu.
Minkejja li l-Qorti tal-Appell Kriminali sabet lil Engerer ħati li fl-Ewwel tas-Sena 2010, ftit minuti wara 12am, u fil-ġranet ta’ wara bagħat ir-ritratti misruqin lill-employer tal-eks sieħeb tieghu u lill-kollegi tax-xogħol biex javvelieh magħhom u jweġġgħu wara li dan telqu, ftit sigħat biss wara Muscat sejjaħlu “suldat tal-azzar”. Bl-istess mod, anke l-Ministru responsabbli mil-Libertajiet Ċivili Helena Dalli, fl-aħħar jiem, ħarġet għonqha biex tiddefendi lil Engerer bħala konsulent tagħha.
Minbarra konsulent ta’ Helena Dalli, Cyrus Engerer hu wkoll konsulent tal-Ministru Manuel Mallia u Chairman tal-Kunsill Konsultattiv tal-LGBT. Fl-aħħar sigħat irriżulta li Engerer se jibqa’ jżomm dawn il-karigi pubbliċi mogħtija lilu mill-Gvern.
//= $special ?>