Editorjal

Editorjal: Min veru għandu raġun jaqbeż bil-ferħ

Il-media soċjali u elettronika qed tagħti opportunità lil disinjaturi żgħażagħ joħorġu b’ideat ta’ messaġġi, ħafna drabi b’sens umoristiku jew ironiku dwar dak li jolqothom. U ħafna jipproduċu dawk li jissejħu memes, reklami li jduru fuq il-media soċjali.

Billboard elettroniku tal-Partit Nazzjonalista
Bħalissa hawn idur ħafna fuq il-media soċjali, fost oħrajn, billboard elettroniku tal-Partit Nazzjonalista li lagħab fuq il-billboard tal-Labour ta’ sitta min-nies jaqbżu bil-ferħ, imma dak tal-Partit Nazzjonalista juri min veru għandu raġun jaqbeż bil-ferħ.

Veru għandhom raġun jaqbżu bil-ferħ
Għax veru għandu raġun jaqbeż bil-ferħ:

  •     Joseph Muscat li sal-aħħar tal-leġiżlatura se jkun daħħal fil-but 70,000 ewro minn flusna talli jikri l-karozza personali tiegħu lilu nnifsu.
  •     Il-ħabib personali tiegħu u tal-familja tiegħu, Jeffrey Curmi, ukoll għandu raġun jaqbeż bil-ferħ wara li Muscat tah erba’ promotions f’erba’ ġimgħat biex laħħqu kap kmandant tal-armata Maltija.
  •     Cyrus Engerer ukoll, li Muscat ippreferieh ħafna waqt li kien għadu kandidat għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju u għadu jżommu f’karigi importanti u li Muscat għal job wieħed tah tnejn mal-gvern.
  •     Is-sieħba tal-mara ta’ Muscat fin-negozju, Michelle Buttigieg, għandha raġun taqbeż bil-ferħ għax Muscat taha job New York imħallsa 60,000 ewro minn flusna taparsi tibgħat it-turisti Malta.
  •     Mart Muscat Michelle mhi nieqsa xejn mir-raġunijiet biex taqbeż bil-ferħ għax seħbitha Michelle Buttigieg fi New York fil-fatt qed tirreklama n-negozju tal-ġojjelli, Buttardi, li għandhom flimkien.
  •     U l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi bilfors taqbeż bil-ferħ imħallsa 13,000 ewro fix-xahar – waħda minn ħafna qraba ta’ Ministri li qed jieħdu karigi mal-gvern imħallsin minni u minnek.

Muscat qatta’ ġranet jgħidilna kemm se jkollna għaliex anke aħna naqbżu bil-ferħ: 2 cents
Tal-qalba għandhom raġun jaqbżu bil-ferħ għal dak li qed jakkwistaw. U Muscat ftit ġranet ilu għamel konferenza kbira li kien ilu jgħid biha ġranet sħaħ u li fiha suppost qalilna raġuni għala aħna wkoll għandna għax naqbżu bil-ferħ: 2 cents.

Tal-ħwienet, il-morda, l-anzjani u l-qiegħda m’għandhomx għal xiex jaqbżu bil-ferħ
U waqt li Muscat iridna naqbżu bil-ferħ għal 2 cents, meta hu u tal-qalba qed jaqbżu bil-ferħ għall-miljuni li qed jiffangaw fihom, nesa jgħid lil tal-ħwienet għala għandhom jaqbżu bil-ferħ bis-suq ħażin li hawn, nesa jgħid lill-morda u l-anzjani għala għandhom jaqbżu bil-ferħ bis-sitwazzjoni fis-saħħa u fil-meediċini, u nesa wkoll jgħid lin-nies qiegħda għala għandhom jaqbżu bil-ferħ bil-qgħad li qed jiżdied.