Il-prosekuzzjoni fil-ġuri tal-atleta mill-Afrika t’Isfel Oscar Pistorius, akkużat li qatel lill-għarusa Reeva Steenkamp, talbet formalment biex ikun taħt osservazzjoni mentali. L-avukat prosekutur Gerrie Nel għamel it-talba wara li l-psikjatra forensika Merryll Vorster qalet li ċ-Champion paralimpiku kien ‘periklu għas-soċjetà. Aktar qabel Vorster qalet li l-atleta sofra minn diżordni ta’ ansjetà sa minn meta kien għadu tifel.
Il-prosekuzzjoni akkużat lid-difiża li bidlet it-talba tagħha minn waħda ta’ difiża personali għal dik ta’ diżordni psikjatrika. Nel qal li “evalwazzjoni psikjatrika kienet essenzjali” u kienet fl-interess tal-ġustizzja li l-akkużat ikun riferut għal dan. It-tabib Vorster qalet li ma tħoss li Pistorius għandu “marda mentali” u li xorta kien kapaċi “jikkompeti fl-ogħla livell bħala atleta u jissoċjalizza.”
Madankollu qalet li persuni li jbatu mill-Generalised Anxiety Dizorders (GAD) bħal Pistorius, m’għandux ikollhom armi tan-nar waqt li sostniet li l-marda xorta ma tagħmlikx “mhux tajjeb biex tiffaċċja ġuri”. Jekk it-talba tal-prosekuzzjoni tintlaqa’, Pistorius jista’ jagħmel 30 jum f’istituzzjoni mentali għal osservazzjoni u eżami tal-istat mentali tiegħu.
//= $special ?>