Internazzjonali

S’issa għadhom instabu biss 17 mill-400 immigrant li allegatament kienu fuq dgħajsa li għerqet

Huma biss ftit l-immigranti mejta li nstabu s’issa wara t-traġedja li seħħet ilbieraħ fl-ibħra ‘l barra mill-kosta tal-Libja. Skont rapporti fil-media Taljana, il-bastimenti Taljani salvaw madwar 200 persuna u tellgħu mill-bahar 17-il katavru.

Iżda jekk verament id-dgħajsa li kienu fuqha l-immigranti kellha aktar minn 400 persuna abbord, hemm madwar 200 oħra li għadhom mitlufa u probabbilment jinsabu f’qiegħ il-baħar.

Il-missjoni ta’ salvataġġ, li bdiet kmieni wara nofsinhar, tmexxiet mill-Guardia Costiera u l-Marina Militare tal-Italja minħabba li ż-żona tat-traġedja tinsab fin-nofsinhar ta’ Lampedusa, li kienet l-eqreb art.

Dan l-aħħar każ wassal lill-Ministru tal-Intern Taljan biex jiddikjara li l-Unjoni Ewropea mhix tgħin biżżejjed lill-Italja ħalli tilqa’ għall-kriżi tal-immigrazzjoni. Angelino Alfano wissa li l-Italja tista’ tagħti l-libertà lill-immigranti biex imorru f’partijiet oħra tal-UE jekk mhux se tiġi mgħejjuna.

Sadanittant, fi żvilupp tal-aħħar ħinijiet, il-Pulizija fil-Libja jidher li arrestaw kważi 300 immigrant irregolari mis-Sirja, is-Sudan u l-Eritrea li kienu qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Italja.

Stqarrijiet mill-Isqfijiet Maltin u mill-UNHCR

Fi stqarrija, l-Isqfijiet Maltin innutaw b’sogħba dan l-inċident, li nvolva persuni li kienu qed ifittxu ħajja aħjar. Il-Konferenza Episkopali Maltija appellat lill-awtoritajiet biex ikomplu fil-ħidma tagħhom favur il-ħajja umana u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) fi stqarrija tenniet is-sogħba tagħha għaż-żieda allarmanti fin-numru ta’ immigranti li qed jegħrqu fil-baħar Mediterran, b’mod partikolari għall-vittmi ta’ din l-aħħar traġedja u dawk li għadhom ma nstabux. Ħabbret ukoll li nediet kampanja biex twissi dwar ir-riskji nvoluti fi vjaġġi bħal dawn.