Futbol Sport

Soldano kburi bil-plejers Maltin

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena, it-Taljan Sergio Soldano qal li jinsab ferm kburi bil-wirja li taw il-plejers tiegħu minkejja t-telfa 5-2 kontra l-Olanda fil-Gozo Stadium it-Tnejn. Kienet it-tieni telfa li ġarrab it-tim Malti fi Grupp A ta’ dawn il-finali biex issa hu matematikament eliminat qabel l-aħħar logħba kontra t-Turkija.

“Kburi ħafna bil-prestazzjoni li taw il-plejers għalkemnm għandi ftit togħma morra għall-mod kif fallejna ċ-ċans li stajna morna 4-3 minn taħt. Imbagħad tellgħu ballun faċli mill-ewwel u skorjaw il-ħames gowl għal 5-2. Inweġġa’ meta nara hekk għaliex kellna naħdmu iebes ħafna biex ħloqna ċ-ċansijiet u ma ħadnihomx waqt li ħallejnihom jieħdu ċ-ċansijiet tagħhom faċilment,” qal Soldano f’intervista fuq il-UEFA.com.

“Illum kienet logħba miftuħa ħafna bil-ballun tiela u nieżel. Ma konniex lesti nibqgħu lura u niddefendu. Ridna nilagħbu futbol miftuħ, logħba offensiva. Anke jekk kultant ħallasna prezz qares għal dan, ma nistgħux dejjem ngħidu – ‘Malta hu pajjiż żgħir u allura rridu nkunu difensivi’. Kieku għamilna hekk qatt ma konna nkunu nafu x’kapaċi nistgħu niksbu,” temm il-kowċ ta’ Malta.

Il-kowċ tal-Olanda Maarten Stekelenburg, li kiseb post fis-semifinali, iktar kien moħħu fuq il-kundizzjoni tal-plejers tiegħu, partikolarment ta’ Anthony Berenstein.

“Ma nafux kemm hi gravi l-injury ta’ Berenstein. Nittama li kollox sew imma l-ewwel sinjali mhumiex sbieħ. Li kkwalifikajna wara żewġ partiti hu suċċess kbir għall-plejers. Illum tħabatna ħafna. Konna tajjeb fl-ewwel taqsima imma ċedejna ftit wara l-mistrieħ. Din hi xi ħaġa li rridu nanalizzaw qabel il-logħba li jmiss. Ippruvajna niskorjaw aktar gowls u tajnihom wisq spazju imma xorta hu riżultat tajjeb.

“Fil-bidu tat-tieni taqsima konna rilassati xi ftit iżżejjed u ma konniex biżżejjed attenti. Bdilt il-formazzjoni biex nipprova nġiegħlhom jgħollu l-logħba tagħhom. Dejjem diffiċli meta tilgħab partiti bħal dawn u għalhekk għandna nkunu kuntenti. Tlifna kontra l-Ingilterra fil-Portugall f’partita ta’ ħbiberija aktar kmieni din is-sena u għalhekk din tista’ tkun opportunita` ta’ tpattija,” temm il-kowċ Olandiż.