Fadal issa biss ftit jiem biex min għadu ma ġabarx id-Dokument tal-Vot tiegħu jmur jiġbru mill-Għassa tal-lokal jew mill-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali, fejn m’hemmx Għassa. Sas-Sibt li ġej, għad fadal 35,360 vot x’jinġabru. Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali fakkret li l-ġbir tad-Dokumenti tal-Vot mill-Għases jagħlaq is-Sibt fl-10pm. Bl-eċċezzjoni ta’ dik l-aħħar ġurnata, fil-jiem li fadal id-Dokmenti tal-Vot jistgħu jinġabru bejn id-9am u s-1pm, u bejn it-3pm u d-9pm.
Mingħajr Dokument tal-Vot ħadd ma jista’ jivvota fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, filwaqt li biex wieħed jiġbor id-Dokument tal-Vot irid jieħu miegħu l-Karta tal-Identità. Meta kien intemm il-proċess tat-tqassim fid-djar mill-Pulizija, kien għad fadal ftit aktar minn 43,200 vot x’jitqassmu. Mill-Għases, minn dawn inġabru biss 7,900 vot u sal-bieraħ filgħaxija kien għad fadal aktar minn 35,000 Dokument tal-Vot mhux miġbura. Dan ifisser li ftit aktar minn 10% ta’ dawk eleġibbli biex jivvutaw skont l-aħħar Reġistru Elettorali għadhom mingħajr id-Dokument tal-Vot.
L-aktar lokalità fejn għadhom ma nġabrux voti hi San Pawl il-Baħar (kważi 5,000 vot), segwit minn Tas-Sliema (madwar 2,000 vot) u San Ġiljan u l-Mosta (madwar 1,500 vot).
Sadanittant, fi stqarrija separata, il-Kummissjoni Elettorali fakkret ukoll li min irid jivvota s-Sibt li ġej, minħabba li f’Jum il-Votazzjoni se jkun imsiefer, fadallu ċans sa 12pm tal-Ġimgħa biex imur jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata fl-uffiċċji tagħha.
//= $special ?>