Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Saħħa

Appell biex il-Gvern ikompli jagħmel sħubiji mal-Privat fil-qasam tas-saħħa

Fil-qasam tas-saħħa, il-Gvern Nazzjonalista kien ta bidu għal sħubija bejn il-Gvern u l-Privat biex ikun jista’ jagħti l-aqwa servizz lill-poplu Malti. Madankollu, dan il-Gvern naqas milli jkompli b’dan ir-ritmu. Waqt żjara fid-Dar tal-Anzjani Casa Antonia f’Ħal Balzan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-Gvern biex ikompli jidħol fi sħubija mal-Privat fil-qasam tas-saħħa.

Id-delegazzjoni tal-PN kienet magħmula wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Mario Galea, mill-Membru Parlamentari Ewropew u kandidata tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-kandidati Therese Comodini Cachia u Jonathan Shaw. Simon Busuttil intlaqa’ mid-Diretturi ta’ Casa Antonia u flimkien mal-kumplament tad-delegazzjoni kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-anzjani residenti f’din id-Dar u jitkellem magħhom.

Fost dawn, Simon Busuttil iltaqa’ wkoll mat-Tabib Alexander Cachia Zammit, l-eks Ministru Nazzjonalista tal-Kabinett tal-Indipendenza mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier, li hu residenti f’din id-Dar. Id-delegazzjoni tal-PN iltaqgħet ukoll mal-ħaddiema. F’indirizz qasir, hu rringrazzja lid-Diretturi ta’ din id-Dar għal-laqgħa “emozzjonali” li kellu mal-anzjani.

Simon Busuttil feraħ lid-Diretturi għall-ħidma tagħhom f’settur daqstant sensittiv u għall-mod kif għarfu jkomplu l-ħidma tagħhom b’suċċess, anke jekk din hi inizjattiva privata. Hu qal li s-settur tal-anzjani jitlob viżjoni fuq medda twila ta’ żmien, partikolarment fid-dawl tal-fatt li l-popoloazzjoni anzjana qed dejjem tikber.

Għaldaqstant, saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Gvern irid iwieġeb għal din l-isfida b’mod li hu soċjalment ġust ħalli kull anzjan ikun jista’ jsib min jgħinu indipendentement mill-mezzi li għandu.