Tistagħġeb kif iż-żmien ikrah ta’ qasma kbira fil-politika Maltija li ilha aktar minn ħamsin sena issa reġa’ tqanqal minn Prim Ministru li qabel tela’ kien wegħedna li se jġib stil ġdid ta’ politika, mhux ta’ żewġ tribujiet – kien jgħid bil-ħlewwa biex jintgħoġob – imma ta’ Malta Tagħna Lkoll, Malta bla qasmiet.
Ftakar fl-azzar għax ġejja l-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju
Kemm jinstema’ ‘l bogħod issa dak il-kliem. Malta Tagħna Lkoll għebet minn diskorsu u Joseph Muscat illum ħlief għajjat u kliem iebes ma tismax mingħandu biex jinstema’ bħal Mintoff. U reġa’ qala’ dil-frażi qadima, ‘suldati tal-azzar’. Imma llum, il-Laburisti ġenwini qed jaslu għall-konklużjoni li hawn suldati ta’ ħafna metalli għal Muscat u li l-azzar ftakar fih biss għax ġejja l-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju.
Is-suldata tal-platinum
Muscat għandu suldati tal-platinum b’ħafna fosos bħas-sieħba ta’ martu, Michelle Buttigieg, sid ma’ martu tal-business Buttardi, li taha job New York ta’ 60,000 ewro fis-sena tirreklama l-business tal-ġojjelli tagħha u ta’ martu Michelle.
Is-suldati li Muscat qed idieheb
Hemm ħafna suldati tad-deheb għal Muscat fosthom ħabibu l-kap kmandant tal-armata Jeffrey Curmi magħruf għall-promotions f’daqqa. Għandu Muscat lid-deputati li qed idehebhom jaqsmu bejniethom il-miljuni kif kixfet it-Times tal-Ħadd li għadda.
Impjegati tal-Labour jaħtfu u ministri jdaħħlu ‘l qrabathom mal-gvern
Qed idieheb ukoll Muscat lill-impjegati tal-Labour li kollha daħlu jiġru mal-gvern b’pagi tant lussużi li fuq leġiżlatura se jkunu ħatfu 3 miljun ewro. Il-Ministri li qed jaraw xi qraba jdeffsu mal-gvern, lista twila taqta’ nifsek taqraha. Id-deheb.
Tgħid aħna suldati tar-ram?
Imbagħad hemm aħna, il-bqija, li Malta Tagħna Lkoll suppost, imma li fil-fatt huma t-taxxi li huma tagħna lkoll u li qed jinħatfu mis-suldati tad-deheb. Tgħid suldati tar-ram, aħna, la rridu nikkuntentaw bit-2 cents li tana Muscat f’konferenza stampa li dam jiftaħar li se jagħmilha aktar milli kieku kien se jħabbar li sab id-deheb?
Ta’ liema metall huma l-qiegħda, il-pazjenti, tal-ħwienet?
Ta’ liema metall huma n-nies qiegħda li wegħedhom l-impjiegi imma li qegħdin fir-riġment dejjem jikber tal-qgħad? Ta’ liema metall huma s-sidien tal-ħwienet u l-ħaddiema tagħhom jaraw il-kummerċ jonqos kif reġgħet uriet l-aħħar statistika? Ta’ liema metall huma dawk li m’għandhomx lil min iċemplu fil-Ministeru tas-Saħħa ħa jġibilhom il-mediċini skarsi li jkollhom jixtruhom?
Il-qasma bejn is-suldati ta’ metalli għonja u l-bqija, bnedmin mhux reġimentati tad-demm u l-laħam
Din hi s-soċjetà li qed joħloq Muscat, mhux dik li wiegħed ta’ bla qasmiet, anzi soċjetà mifruda; hu u ta’ madwaru suldati ta’ metalli għonja, u l-bqija, li jqishom suldati tar-ram, imma jsejħilhom tal-azzar, li fil-fatt mhumiex reġimentati, suldati, kif iridhom hu, imma huma nies ħielsa b’moħħ li jħaddmuh, nies tad-demm u l-laħam.