Waqt il-programm “Reporter”, li xxandar it-Tnejn li għadda fuq ix-xandir tal-istat, il-Prim Ministru Joseph Muscat inqabad f’gidba dwar l-iffirmar tal-kuntratt mal-konsorzju Electrogas, li suppost se jibni l-Power Station il-ġdida sa Marzu 2015 u jipprovdi gass għat-18-il sena li ġejjin.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li tikkwota wkoll rapport ippubblikat ilbieraħ f’The Times, li qal li l-Gvern ikkonferma li dan il-kuntratt ġie ffirmat il-ġimgħa li għaddiet. Iżda waqt il-programm “Reporter”, Muscat l-ewwel qal li dan “se jiġi ffirmat”, imbagħad qal li kliemu kien li “għad irid jiġi ppubblikat”.
Sadanittant, il-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jistenna biex isir jaf x’inhi l-verità dwar l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt. Fl-istqarrija, il-PN qal li jekk Muscat kapaċi jigdeb fuq xi ħaġa daqshekk żgħira, aħseb u ara kemm hu komdu jigdeb biex jgħatti affarijiet akbar.
Il-filmat juri ż-żewġ ċirkostanzi, ftit sekondi ‘l bogħod minn xulxin, waqt il-programm televiżiv.
//= $special ?>