Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Manwel Mallia jgħid li ma ppreżentax id-dikjarazzjoni tal-assi għax kellu ħafna x’jagħmel

Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia jipprova jiġġustifika l-fatt li ma ppreżentax fil-ħin id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu billi qal li bħala Ministru kellu ħafna x’jagħmel, tant li ħalla l-affarijiet tiegħu għall-aħħar.

Waqt żjara fl-Akkademja l-ġdida tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, il-Ministru Mallia kien ippressat mill-ġurnalisti biex iwieġeb għaliex kien wieħed minn għadd kbir ta’ Deputati tal-Gvern, fosthom membri tal-Kabinett, li ma ppreżentawx fil-ħin id-dikjarazzjoni tal-assi. Dan minkejja dak mitlub mill-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri.

Fil-fatt sa ftit tal-jiem ilu u skont rapport f’ġurnal lokali, Mallia kien l-aħħar Ministru li baqa’ ma ppreżentax id-dikjarazzjoni tal-assi tieghu minkejja li sħabu kollha pprezżentaw, anke jekk tard.

Sadanittant, fl-istess attività, il-Ministru Mallia pprova jiġġustifika wkoll in-numru kbir ta’ transfers li qed jingħataw fil-Korp tal-Pulizija. Għal mistoqsijiet dwar it-trasferimenti li qed jingħataw, fosthom dak ta’ Maġġur Għawdxi li fl-istess ġurnata ntbagħat Għawdex u reġa’ ntbagħat Malta, il-Ministru Mallia wieġeb biss li dawn qed isiru skont l-eżiġenzi tas-servizz.

Ċerti transfers qanqlu aktar mistoqsijiet, b’mod partikolari trasferiment ta’ Uffiċjal tal-Pulizija li qalgħet erba’ transfers lejn postijiet differenti f’ġimgħa. Iżda anke hawn, il-Ministru Mallia sab raġuni billi qal li din ma fiha xejn ħażin għax jekk l-eżiġenzi tas-servizz kienu jitolbu hekk, allura hekk kellu jsir.

Arroganza bla limitu mill-Ministru Manuel Mallia – Jason Azzopardi

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista qal li wara l-kummenti u t-tweġibiet li ta l-Ministru għall-Intern Manuel Mallia lill-ġurnalisti dwar it-transfers fil-Korp tal-Pulizija u dwar l-Ombudsman, huwa evidenti li l-Ministru Mallia jemmen u jipprattika l-arroganza bħala virtù. Azzopardi qal li l-attitudni u l-mentalità tal-Ministru Mallia, li jemmen li hu ’l fuq minn kwalunkwe forma ta’ skrutinju, huma perikolużi u jmorru għalkollox kontra l-wegħda li saret minn Joseph Muscat li dan se jkun Gvern li jisma’ u li jkun accountable għal għemilu.

Il-Partit Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli f’soċjetà moderna u demokratika li jsiru transfers vendikattivi kif qed isir fil-Korp tal-Pulizija b’enerġija kattiva. Jason Azzopardi qal li m’hemm l-ebda raġuni ġustifikata għaliex uffiċjal tal-Pulizija għandu jingħata żewġ transfers f’inqas minn tmien siegħat jew li uffiċjal jingħata erba’ transfers vendikattivi fi żmien sitt ijiem kif sar minn Gvern Laburista. Il-fatt li l-Ministru Mallia ma jridx iwieġeb għal dan l-aġir hu sinjal li jaf li jinsab fi żball u jrid jippersisti fl-istess żball, qal Azzopardi.

L-istess jingħad għall-kummenti tal-Ministru Mallia dwar l-Ombudsman. L-istqarrija tal-PN tgħid li hu ta’ għajb li l-Ministru, li huwa membru ta’ Gvern li ġie elett bl-għajta ta’ tmexxija trasparenti u bi stil ġdid ta’ politika, jibqa’ jwebbes rasu u jċaħħad lill-Ombudsman milli jwettaq dmiru u jinvestiga l-inġustizzji fil-promotions fl-Armata li l-Ministru Mallia ta lil tal-qalba. Jason Azzopardi qal li l-Gvern mhux talli ħoloq inġustizzji fl-Armata, meta l-Prim Ministru Muscat kien wiegħed li dan mhux se jsir, iżda talli issa qed jirrifjuta li l-Ombudsman jagħmel l-iskrutinju meħtieġ fuq dawn il-promotions.

L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ttemm tgħid li “jekk qatt kellna bżonn prova li dan il-Gvern għandu l-faħam miblul fil-promotions li ta lil tal-qalba fl-Armata, illum kellna konferma oħra ta’ dan. Illum kulħadd jista’ jisma’ u jara b’għajnejh li l-Gvern qed jogħdos fl-arroganza, b’detriment għat-trasparenza, l-accountability u l-ġid komuni.”

Sadanittant, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ħabbar li l-Kabinett approva White Paper biex il-Pulizija jkollhom id-dritt jissieħbu f’union għalkemm xorta mhux se jkunu jistgħu jieħdu sehem f’azzjonijiet industrijali. Manwel Mallia qal li din il-bidla se tfisser li l-assoċjazzjonijiet tal-Pulizija issa se jispiċċaw, iżda dawn jistgħu jkunu mibdula f’unions differenti tal-Pulizija.

Matul iż-żjara tiegħu f’Ta Kandja, kumpless li kien beda x-xogħol fuqu Gvern Nazzjonalista f’Lulju 2011, il-Ministru Mallia ltaqa’ ma’ numru ta’ Pulizija li bħalissa qed isegwu korsijiet ta’ formazzjoni.