L-MIA tonqos mill-obbligu li tinforma lill-ħaddiema kollha bid-dati tal-proċess
Fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta beda l-proċess ta’ verifika biex ikun stabbilit min bejn il-UĦM u l-GWU jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-ħaddiema tal-MIA. Proċess mifrux fuq jumejn li, madanakollu, diġa’ beda fuq sieq ħażina hekk kif jidher li mhux il-ħaddiema kollha ġew infurmati li l-Erbgħa filgħodu kellu jibda dan il-proċess.
Dan ifisser li l-kumpanija qed tmur kontra l-obbligu tagħha li tinforma lill-ħaddiema kollha bid-dati ta’ meta se jsir dan l-eżerċizzju ta’ verifika.
Jidher li huma biss il-ħaddiema li għandhom aċċess għal kompjuter li ngħataw din l-informazzjoni minħabba li l-kumpanija bagħtet biss email biex tinforma lill-ħaddiema dwar id-dati ta’ dan l-eżercizzju li għandu jistabbilixxi liema union għandha tingħata uffiċjalment l-għarfien trejdunionistiku fl-MIA.
B’rabta ma’ dan l-Union Ħaddiema Magħqudin ressqet talba quddiem l-Uffiċċju tad-Direttur għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali biex ikunu magħzula ġranet oħra minbarra dawk tal-Erbgħa u l-Ħamis sabiex il-ħaddiema kollha jkollhom iċ-ċans jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ verifika.
Din il-kwistjoni kellha tkun diskussa waqt laqgħa li kienet skedata għat-Tlieta filgħodu bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin, il-General Workers Union u l-amministrazzjoni tal-MIA, imma li spiċċat tħassret dak il-ħin stess li kellha ssir, bla ebda pre-avviż li l-laqgħa kienet se tiġi kanċellata, wara li ħadd mill-uffiċjali tal-GWU ma attenda. Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, il-UĦM ikkundannat il-fatt kif fl-iktar mument kruċjali għall-ħaddiema tal-MIA, il-kwistjoni tal-ħaddiema u l-futur tal-impjieg tagħhom spiċċat ballun bejn it-tmexxija tal-MIA u l-GWU.
Il-UĦM spjegat li bħalissa l-ħaddiema tal-ajruport qed jiffaċċjaw futur inċert minħabba li l-management qed jipprova jwelli x-xogħol lil kumpaniji privati, bil-konsegwenza li hemm ċans li jitnaqqrulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u saħanistra jistgħu jitilfu l-impjieg mal-MIA meta jiġu trasferiti mal-kumpaniji.
Min-naħa tagħha, waqt li kkonfermat li qabdet u m’attendietx għal-laqgha, il-GWU ċaħdet li abbandunat in-negozjati u ġabet l-iskuża li din kellha tkun biss laqgħa ta’ informazzjoni.
//= $special ?>

