Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-Gvern qed jimmira għall-ifqar standards fit-tmexxija demokratika – Therese Comodini Cachia

Il-Gvern qed jimmira għall-ifqar standards ta’ tmexxija demokratika billi jibqa’ jimmina istituzzjonijiet li jħarsu lin-nies minn abbużi ta’ poter. Fi stqarrija, il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia qalet li f’dawn l-aħħar ġranet inkixfu żewġ deċiżjonijiet ta’ Gvern Laburista li juru li għalih, it-trasparenza u kontabbiltà ma jgħaddux.

Therese Comodini Cachia qalet li l-aħħar stqarrija tal-Uffiċċju tal-Ombudsman turi kif il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia ma jridx li l-ħatriet li għamel hu fl-Armata u t-tmexxija l-ġdida tal-Forzi Armati li għażlu hu u l-Prim Ministru Muscat jiġu nvestigati mill-Ombudsman. Din hi turija ċara, kompliet Therese Comodini Cachia, li l-Gvern irid iħawwad il-borma mingħajr tfixkil.

It-tieni każ hu ċ-ċaħda tal-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra għall-Mozzjoni mressqa mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi biex l-Ombudsman jintalab jinvestiga l-metodu kif qed jaħdem il-Bord imwaqqaf mill-Gvern Laburista ħalli jinvestiga lmenti ta’ inġustizzji fi żmien qabel din l-amministrazzjoni. Dan biex ikun stabbilit li dan il-Bord hu verament indipendenti u imparzjali u mhux hemm għal tal-qalba biss.

Therese Comodini Cachia qalet li għal darb’oħra l-Gvern Laburista tilef ċans li juri bil-fatti u mhux bil-kliem li jemmen fit-trasparenza u fil-kontabbiltà.