Stqarrija maħruġa llum mill-Kamra tal-Kummerċ ikkonfermat dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid għal xhur twal, jiġifieri li l-ekonomija ta’ pajjiżna qed tagħti sinjali ċari ta’ twissija li tilfet ir-rankatura li kellha fl-aħħar snin u li dan qed iħalli effett fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Fi stqarrija l-PN qal li l-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ ikkonfermat li jeżisti tnaqqis fl-aptit għall-investiment, fit-talbiet għas-self, speċjalment fl-oqsma tal-manifattura, kif ukoll fl-importazzjoni.
Il-PN qal li dawn it-tliet oqsma differenti juru nuqqas ta’ aptit għall-investiment: il-Prim Ministru Muscat ħaseb li hu biżżejjed li jibqa’ għaddej b’business as usual. L-ekonomija ma tikbirx waħedha u l-investiment ma jiġix waħdu. Fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, l-industrija ma semgħet xejn dwar inċentivi u skemi ġodda biex jiġi inċentivat l-investiment u jinħoloq ix-xogħol. Anzi, skadew u ma ġewx imġedda numru ta’ inċentivi marbutin mal-investiment, fosthom skemi tal-Malta Enterprise li kienu ntiżi biex iħajjru lil kumpaniji lokali jfittxu swieq barranin jew biex jinvestu fil-kompetittività tagħhom.
Gvern Laburista ma wera l-ebda viżjoni favur il-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda. Il-fatt li l-Kamra tal-Kummerċ qed tara nuqqas ta’ aptit għall-investiment hi aħbar inkwetanti għal dawk li qed ifittxu x-xogħol, għal dawk in-nisa li qed jitħajjru jerġgħu jibdew jaħdmu u għal dawk iż-żgħażagħ li waslu biex itemmu l-istudji tagħhom. It-tnaqqis fl-esportazzjoni juri wkoll id-diffikultà li qed jaffaċċjaw fabbriki u kumpaniji biex ibigħu l-prodotti tagħhom fi swieq barranin. Għal darb’oħra, il-Gvern sal-lum wera li ma jinteressahx li jipprova jifhem għaliex qed jiġri dan jew liema huma l-aktar setturi milquta, minkejja li issa l-indikaturi ilhom xhur juru li hemm problema.
Anqas esportazzjoni jfisser anqas xogħol, anqas overtime u anqas opportunitajiet, kompla l-PN. Għalhekk, it-tnaqqis fl-importazzjoni hu sinjal ċar li l-fiduċja tal-konsumatur Malti qed tmajna, hekk kif il-qgħad, xahar wara l-ieħor, qed jgħolli rasu, tant li llum kważi 8,000 persuna jinsabu mingħajr xogħol. Quddiem inċertezza bħal din, hu naturali li l-familji jeżitaw u jipposponu deċiżjonijiet fuq akkwisti li jridu jagħmlu. Dan, min-naħa tiegħu, qed jikkawża problemi lil setturi bħal tar-retail, tal-wholesale u tad-distribuzzjoni. Mhux ta’ b’xejn li Malta qed tirreġistra l-akbar tnaqqis fl-Unjoni Ewropea fil-bejgħ mill-ħwienet għax dan hu ċirku vizzjuż.
Fl-istqarrija, il-PN saħaq li pajjiżna jeħtieġ pjan ta’ azzjoni konkret dwar il-ħolqien tax-xogħol u l-investiment f’setturi ġodda tal-ekonomija, filwaqt li jiġu msaħħa s-setturi diġà eżistenti. B’hekk biss jista’ jkompli jiġi attirat l-investiment, tikber l-industrija f’pajjiżna u jinħolqu l-opportunitajiet ta’ xogħol għall-familji Maltin u Għawdxin, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>