Futbol Sport

Il-plejers imwissija dwar id-doping

Kull plejer li qed jieħu sehem fil-kampjonati Ewropej tal-UEFA U17 f’Malta ġie mwissi mill-periklu tad-doping. Dan sar f’laqgħa fil-Mellieħa bħala parti mill-proġett ta’ edukazzjoni għall-plejers żgħażagħ li l-UEFA qed torganizza kull sena sa mill-2005 bil-mira li tqajjem kuxjenza dwar id-doping.

It-tmien timijiet fil-finali, inkluż Malta, ġew notifikati dwar ir-riskju kbir li d-doping jista’ jirrappreżenta jekk ma jkunux segwiti linji gwida sempliċi.

“Dan biex inwaqqfukhom milli tagħmlu żbalji banali li jirrovinawlkom il-karriera,” qal Richard Grisdale, il-ko-ordinatur mediku tal-anti-doping tal-UEFA. “Issa qed tirrappreżentaw lil pajjiżkom. Dan hu suġġett importanti li għandkom tkunu tafu dwaru. Jekk jinstab f’ġisimkom, inthom responsabbli.”

Grisdale li reġa’ tenna li l-UEFA ma tittollera l-ebda sustanza projbita, wissa lill-plejers bid-dmir u l-obbligazzjonijiet tagħhom li mhux biss għandhom lejhom infushom imma anke lejn sħabhom, il-klabbs u t-timijiet nazzjonali.

“Ma tistgħux twaħħlu f’ħaddieħor. Jekk għandkom sustanza projbita f’ġisimkom, it-test ma jgħidx għalfejn u li inthom għamiltu żball, jgħid biss li inthom pożittivi. Imbagħad irrid bilfors nassumi l-ħażin – li ħadtu s-sustanza biex tqarrqu.”

Fid-diskor tiegħu Grisdale mhux biss informa lill-plejers li d-doping hu qerq imma anke kif dan jista’ jkollu konsegwenzi koroh fuq is-saħħa tagħhom. Ċertu sustanzi li huma fil-lista projbita tal-aġenzija kontra d-doping (WADA), li timxi magħha l-UEFA, jistgħu jinxtraw mingħajr riċetta bħala supplimenti ta’ vitamini. Uħud minnhom lanqas huma mniżżla bħala ingredjenti, imma din mhix skuża.

“Jekk m’inthomx ċerti, staqsu lit-tabib tat-tim. Kulma jidħol f’ġisimkom hu responsabbilta` tagħkom. Ħudu din ir-responsabbilta`. Dan hu ġisimkom u l-karriera tagħkom. Jekk tinstabu pożittivi tiġu sospiżi u l-karriera tagħkom tbati.”

Grisdale wera wkoll filmat tal-proċedura li tittieħed biex jittieħed kampjun u qal li l-plejers jistgħu jasgħmlu ħin twil biex jagħtu kampjun għaliex wara logħba ma jkunux idratati tajjeb.

GRUPP A

Malta tfittex li ttemm fuq nota pożittiva

Wara telfiet kontra l-Ingilterra u l-Olanda, illum Malta se tkun qed tipprova ttemm l-avventura tagħha f’dawn il-Kampjonati b’riżultat pożittiv kontra t-Turkija, tim li ukoll għadu bla punti. Il-partita bejn il-Maltin u t-Torok se tintlagħab illum fil-11am f’Ta’ Qali u minkejja li ż-żewġ timijiet jafu li huma diġa’ eliminati, żgur li jridu jħallu impressjoni tajba fl-aħħar logħba tagħhom minn Grupp A. Il-Maltin, fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra l-Olanda tilfu 5-2 u ż-żewġ gowls tal-Maltin kienu l-ewwel gowls ta’ pajjiżan f’dan i-turnament. Issa la darba waslu l-ewwel gowls, il-partitarji Maltin se jkunu qed jittamaw li jaslu l-ewwel punti li jkunu storiċi. S’issa Malta ikkonċediet tmien gowls u skurjat tnejn filwaqt li t-Torok skurjaw tlieta u qalgħu sebgħa.

Grupp A hu diġa’ deċiż għax iż-żewġ timijiet l-oħra ta’ dan il-grupp, jiġifieri l-Ingilterra u l-Olanda diġa’ għandhom sitt punti minn żewġ konfronti.

Intant, il-konfront l-ieħor minn dan il-grupp bejn l-Ingilterra u l-Olanda se jkun biss formalita` u se jiddeċiedi min se jtemm il-grupp fil-quċċata. Bħalissa l-Ingilterra għandha differenza ta’ gowls aħjar u jekk tibqa’ fl-ewwel post wara l-logħba kontra l-Olanda, fis-semi finali tat-18 ta’ Mejju tilgħab kontra r-runner up ta’ Grupp B.

GRUPP B

Konfront deċiżiv bejn l-Iskozja u l-Iżvizzera

Filwaqt li Grupp A diġa’ hu deċiż mhux l-istess jista’ jingħid għal Grupp B. Dan il-grupp hu mirbuħ mill-Portugall li minn żewġ konfronti għandhom sitt punti u issa wieħed se jassisti għall-ġlieda bejn tliet timijiet għat-tieni post. Fit-tieni post bħalissa hemm l-Iskozja li għandha tliet punti u qed tgawdi vantaġġ ta’ żewġ punti fuq il-Ġermanja u l-Iżvizzera li t-tnejn li huma għandhom punt kull wieħed. B’hekk, il-konfront f’Kordin fis-6pm bejn l-Iskozja u l-Iżvizzera se jkun wieħed deċiżiv. Draw għall-Iskozja kontra l-Iżvizzera jaf ikun biżżejjed dejjem jekk il-Ġermanja tfalli kontra l-Portugall. Madankollu, jekk il-logħba bejn l-Iżvizzera u l-Iskozja tintemm fi draw u l-ġermanja tirbaħ kontra l-Portugall li diġa’ huma fis-semi finali, ikunu l-Ġermanja li jgħaddu għall-fażi li jmiss.

Wieħed jista’ jgħid li l-fatt li l-Iskozja u l-Iżvizzera qegħdin b’ċans li jgħaddu huma minflok il-Ġermanja hu sorpriża. Fl-elite round l-Iżvizzera diġa’ issorprendiet meta eliminat lil Spanja u fl-ewwel logħba ta’ dan it-turnament kompliet tħalli impressjoni tajba meta ħadet draw ta’ 1-1 xejn mistenni kontra l-Ġermanja. Fit-tieni partita tagħhom l-Iżvizzeri ma setgħu jagħmlu xejn kontra l-qawwa Portugiża u issa jridu rebħa kontra l-Iskozja biex jittamaw li jgħaddu għas-semi finali. Rebħa għall-Iżvizzera kontra l-Iskozja jaf xorta ma tkunx biżżejed għalihom biex jgħaddi għax jekk il-Ġermanja tirbaħ kontra l-Portugall ikunu d-differenza ta’ gowls li jiddeċeidu min minnhom jgħaddi għall-fażi li jmiss.