Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Is-sħubija ta’ Malta fl-UE wasslet biex kumpaniji jgawdu minn skemi biex itejjbu l-prodott – Francis Zammit Dimech

Waqt żjara li għamel fil-fabbrika tal-kumpanija Toly Products f’Bulebel, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech qal li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea wasslet biex kumpaniji bħat-Toly igawdu minn skemi li permezz tagħhom itejjbu l-prodott.

Toly Products ibbenefikat minn żewg skemi, l-ERDF Research and Development Grant u l-ERDF International Competitive Grant. L-ewwel skema wasslet lill-kumpanija biex tiżviluppa prodotti, proċessi u servizzi ġodda jew ittejjeb b’mod sinjifikanti prodotti eżistenti, filwaqt li t-tieni skema għenet lit-Toly tespandi fi swieq internazzjonali ġodda.

Zammit Dimech qal li jinsab infurmat bid-diffikultajiet, l-ammont ta’ paper work u d-dewmien li qed ikun hemm biex azjendi bħal Toly Products jitolbu u jirċievu l-fondi. Hu appella lill-awtoritajiet biex jgħinu lil dawn l-azjendi billi jħaffu l-proċess.

Id-Deputat Nazzjonalista fakkar li l-industrja hi waħda mis-saqajn tat-trepied li fuqu hi mibnija l-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk hu ta’ sodisfazzjon li jkollna azjendi bħal Toly Products, li matul l-aktar minn 40 sena li ilhom f’Malta kabbru u laħqu dejjem livelli ogħla ta’ eċċellenza, sostna l-kandidat tal-PN.

Francis Zammit Dimech irrefera wkoll għall-iżbilanc fil-kummerċ internazzjonali ta’ Malta, li qed ikompli jiżdied. Hu kkwota minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li turi li d-differenza bejn l-importazzjoni u l-esportazzjoni kibret minn €76 miljun f’Marzu 2013 għal €122 miljun f’Marzu 2014.

Zammit Dimech qal li jidher li hemm xejra negattiva għax anke fl-ewwel tliet xhur tal-2014 dan l-iżbilanċ kiber bi €63 miljun fuq dak li kien fl-istess perjodu fl-2013 biex issa jinsab fil-livell ta’ €348 miljun bi tnaqqis sew fl-importazzjoni u anke fl-esportazzjoni. Hu tenna li dawn huma ċifri nkwetanti.

Il-kandidat tal-PN awgura li din ix-xejra tiġi kkoreġuta għax magħha hemm marbutin l-impjiegi, li huma l-kunsiderazzjoni ewlenija ta’ kull żvilupp ekonomiku.