Għas-sitt sena konsekuttiva se jittella’ l-Festival tar-Rebbiegħa bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali – xalata ta’ attivitajiet b’enfasi fuq it-tradizzjonijiet Qriema, b’mod partikolari l-inbid, il-ħobż u ikel bħat-tonn, tiġieġ, majjal, tipi differenti ta’ għaġin u mejda b’ikel tradizzjonali Malti.
Dettalji dwar dan il-festival ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Ħal Qormi stess. Il-Festival tar-Rebbiegħa se jsir fuq jumejn – fl-ewwel ġurnata, il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju, se jkun hemm diversi attrazzjonijiet fuq il-palk prinċipali b’varjeta’ ta’ mużika Pop u classic rock mill-grupp DBENNED filwaqt li l-għada s-Sibt se tittella’ serata mimlija mużika Maltija mill-Grupp Maltin Biss.
Il-pubbliku se jkollu l-opportunita’ wkoll li jżur iċ-Ċentru tal-Armar fejn jiekol f’ambjent Medjevali b’diversi tipi ta’ platti bħall-kawlata tax-xikel, ix-xikel bil-patata l-forn u karafatta nbid – kollox fuq stil ta’ żmien il-kavallieri b’imgħaref tal-injam, platti u tazzi tal-fuħħar fost oħrajn.
Fix-xelter ta’ żmien it-tieni gwerra dinjija, dawk li jattendu għall-festival jista’ jgħix il-ġrajja ta’ meta Ħal Qormi ntlaqat mill-marda qerrieda tal-pesta fl-1813. Diversi atturi mill-Għaqda Qawmien se jagħmlu re-enactments.
Se jittellgħu ukoll diversi wirjiet ta’ armar tal-festi fosthom wirja tal-pavaljuni, wirja ta’ bandalori u oħra tal-armar. Se jkun hemm ukoll wirjiet ta’ mudelli ta’ karattri tal-films u comics, karozzi antiki Volkaswagon, pittura u fotografija. Fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċimartri ta’ San Ġorġ se jsir tapit maħdum mit-tappijiet tas-sufra fuq it-tema tar-Rebbiegħa mill-grupp Wot Art.
Min se jattendi jista’ jieħu sehem ukoll f’kompetizzjoni tar-ritratti bit-tema “Il-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ” b’rigali liż-żewġ fotografi li jikklassifikaw fl-ewwel żewġ postijiet.
Matul l-attivita’ wieħed jista’ joffri wkoll donazzjoni għal Puttinu Cares waqt ġabra li se tkun qed issir minn diversi entraturi għall-attivita’.