Internazzjonali

It-taħditiet jibdew mingħajr ir-ribelli

Bdew it-taħditiet intiżi biex itemmu l-kriżi fl-Ukrajna, iżda r-ribelli separatisti li jappoġġjaw l-unjoni mar-Russja m’humiex jikkontribwixxu għal dan il-proċess.

It-taħditiet li qed isiru fi Kiev huma sponsorjati mill-osservaturi internazzjonali u jinkludu l-Mexxejja proviżorji tal-Ukrajna, minbarra uffiċjali involuti mal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

Kien ippjanat li d-djalogu għall-għaqda nazzjonali jinkludi ‘l-massimu possibbli’ tal-entitajiet interessati u meta t-taqbida għall-kontroll tal-Ukrajna wasslet għal sitwazzjoni ta’ konfront kontinwu bejn ir-Russja u l-Punent.

Madankollu, l-Gvern attwali fi Kiev ma jridx jitkellem mas-separatisti, li min-naħa tagħhom ma jidhrux li għandhom Mexxej li jista’ jitqies bħala ‘l-punt ta’ riferiment’.

It-tensjoni għadha għolja, b’mod partikolari wara li l-qtil ta’ seba’ suldati Ukreni li sfaw attakkati minn ribelli separatisti qrib il-belt ta’ Kramatorsk, fir-reġjun ta’ Donetsk.

Ir-ribelli favur ir-Russja qed jikkontrollaw diversi bliet Ukreni, bir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk, fi tmiem il-ġimgħa, jiddikjaraw ‘l-indipendenza mill-Ukrajna’, wara r-referenda rispettivi li m’humiex rikonoxxuti mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.

Rapporti oħra, qalu li l-isħubija riċenti tal-penisola tal-Krimea mat-territorju tar-Russja swiet lill-Ukrajna talanqas 60.5 biljun ewro.

Min-naħa tiegħu, Sergei Naryshkin, l-ISpeaker tal-kamra t’isfel tal-Parlament Russu, kkritika d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukreni biex ma jitkellmux mas-separatisti. Naryshkin kompla li ‘l-azzjonijiet kontinwi tal-Armata tal-Ukrajna’ fl-artijiet Ukreni tal-Lvant jistgħu jtellfu l-leġittimita tal-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju għall-Presidenza ta’ dan il-pajjiż. Madankollu, hu, imbagħad, ħeġġeġ ‘biex din l-elezzjoni ssir xorta waħda’.

Sadanittant, it-truppi Russi, bdew jibnu pipeline biex jgħaddu l-ilma liz-zoni tal-Krimea u wara li l-awtoritajiet Ukreni kienu qatgħulhom il-provvista xi ġimgħat ilu.