Lokali

Jibda l-proċess ta’ verifika biex tkun stabbilita liema union tgawdi l-fiduċja fl-MIA

Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta beda l-proċess ta’ verifika biex ikun stabbilit min bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) u l-General Workers Union (GWU) igawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-ħaddiema tal-MIA. Madankollu, MaltaRightNow.com jinsab infurmat li dan il-proċess diġà beda fuq sieq ħażina, hekk kif jidher li mhux il-ħaddiema kollha ġew infurmati dalgħodu kellu jibda dan il-proċess.

Dan ifisser li l-kumpanija qed tmur kontra l-obbligu tagħha li tinforma lill-ħaddiema kollha bid-dati ta’ meta se jsir dan l-eżerċizzju ta’ verifika. Jidher li huma biss il-ħaddiema li għandhom aċċess għal kompjuter li ngħataw din l-informazzjoni minħabba li l-kumpanija bagħtet biss email biex tinforma lill-ħaddiema dwar id-dati ta’ dan l-eżerċizzju li għandu jistabilixxi liema union għandha tingħata uffiċjalment l-għarfien trejdunionistiku fl-MIA.

Din il-kwistjoni kellha tkun diskussa waqt laqgħa li kienet skedata għall-bieraħ filghodu bejn il-UĦM, il-GWU u l-amministrazzjoni tal-MIA, li iżda spiċċat tħassret dak il-ħin stess li kellha ssir u mingħajr pre-avviż wara li ħadd mill-uffiċjali tal-GWU ma attenda. Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, il-UĦM ikkundannat il-fatt kif fl-aktar mument kruċjali għall-ħaddiema tal-MIA, il-kwistjoni tal-ħaddiema u l-futur tal-impjieg tagħhom spiċċaw ballun bejn it-tmexxija tal-MIA u l-GWU.

Il-UĦM spjegat li bħalissa l-ħaddiema tal-Ajruport qed jiffaċċjaw futur inċert minħabba li l-Management qed jipprova jwelli x-xogħol lil kumpaniji privati, bil-konsegwenza li hemm ċans li jitnaqqrulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u saħanistra jistgħu jitilfu l-impjieg mal-MIA meta jiġu trasferiti mal-kumpaniji.

Min-naħa tagħha, filwaqt li kkonfermat li qabdet u m’attendietx għal-laqgħa, il-GWU ċaħdet li abbandunat in-negozjati u ġabet l-iskuża li din kellha tkun biss laqgħa ta’ informazzjoni.