Internazzjonali

Jistgħu jiffaċċjaw akkużi ta’ omiċidju wara l-għarqa tal-immigranti

Il-Pulizija Taljana arrestat żewġ persuni li allegatament kienu involuti fi skema għat-traffikar tal-bnedmin u li wasslet għall-konsegwenzi traġiċi. Dan wara li talanqas sbatax il-immigrant illegali – inklużi tnax il-mara u żewġt itfal – spiċċaw jitilfu ħajjithom meta l-vapur li kienu qed jivvjaġġaw fuqu għereq, nhar it-Tnejn, ftit ‘il barra mil-Libja.

Qed ikun allegat – skont il-mandat speċifiku – li ż-żewġ arrestati kienu wettqu l-ħsarat lid-dgħajsa matul dan il-vjaġġ u fejn anki ‘bagħbsulha mal-magni’. Dak il-ħin, id-dgħajsa kienet mgħobbija bil-mijiet tal-immigranti, u qed jingħad li l-persuni arrestati wettqu dan l-aġir ‘bil-ħsieb speċifiku li jintervjenu l-gwardjani tal-kosta Taljani’.

Mifhum li, ‘l quddiem, jistgħu jitressqu akkużi ta’ omiċidju fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ persuni.

Intant, jaħsbu li setgħu għerqu mal-200 immigrant fl-inċident ta’ nhar it-Tnejn li seħħ sigħat biss wara l-għarqa ta’ dgħajsa oħra, ‘l hinn mill-kosta tal-Libja, u fejn mietu mal-erbgħin immigrant li kienu destinati għall-Ewropa.

Sadanittant, il-Viċi-Kap tal-Frontex – l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tħares is-sigurta mal-fruntieri komuni li jeżistu mal-Istati li m’humiex membri – qal li bejn Jannar u April ta’ din is-sena waslu tmien darbiet aktar immigranti l-Italja minn dawk irreġistrati fl-ewwel erba’ xhur tal-2013.

Gil Arias Fernandez sostna li bejn Jannar u April kienu waslu fi Sqallija mal-25,650 immigrant illegali: b’660 oħra, mbagħad, jaslu fl-inħawi ta’ Puglia u Calabria.