L-Oppożizzjoni se titlob ruling mingħand l-Ispeaker
Il-Gvern qed jirrifjuta li permezz tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, jiddiskuti l-kuntratt ta’ Henley and Partners. It-talba biex dan il-kuntratt ikun diskuss saret mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech qal li kien se jitlob lill-Ispeaker għal ruling.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li bħalissa hemm kawża quddiem il-Qorti li qed issir mill-kumpanija Ayrton Capital biex tkun kontestata d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħi l-kuntratt lil Henley and Partners. F’dawn il-proċeduri, il-kuntratt ġie ppreżentat quddiem il-Qorti iżda fuq ordni tal-istess Qorti mhux aċċessibbli għall-pubbliku minħabba n-natura kummerċjali tiegħu. Il-Ministru qal li l-Gvern qed jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti u hekk għandu jagħmel il-Kumitat Parlamentari.
Jason Azzopardi qal li l-Parlament hu awtonomu u m’hemm xejn li jżomm lill-Parlament milli jiddiskuti l-kuntratt minkejja li dan jinsab maqful fis-sigrieta tal-Imħallef. Rappreżentant ta’ Henley and Partners dan l-aħħar ġie kkwotat li qal li l-kuntratt ma għandux ikun ippubblikat għaliex fih hemm kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurta’ nazzjonali.
Jason Azzopardi qal li hi tal-mistħija li kumpanija privata barranija għandha informazzjoni relatata mas-sigurta’ nazzjonali u l-Parlament Malti ma għandux. Il-Kumitat għandu d-dover fl-interess nazzjonali li janalizza dak il-kuntratt.
Tonio Fenech qal li jekk il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi ma jistax jiddiskuti kuntratti ta’ natura kummerċjali allura jista’ jżarma. F’okkażjonijiet oħra kuntratti bħal dawn kienu diskussi kif sar fil-każ tal-kuntratt dwar il-BWSC.
Id-Deputat Laburista Carmelo Abela qal li l-Gvern ma għandux oġġezzjoni li l-kuntratt ikun diskuss iżda dan isir meta jkun il-waqt. Il-Kumitat kellu xogħol ieħor fuq l-aġenda x’jiddiskuti. Tonio Fenech qal li hu l-kumitat li jiddeċiedi l-aġenda iżda dan il-kuntratt ma jistax ikun diskuss jekk ma jkunx preżentat fil-Parlament.
Carmelo Abela qal li d-digriet tal-Qorti ma jistax ikun injorat. Tonio Fenech qal li għandu jintalab ruling mill-Ispeaker dwar jekk il-Kumitat għandux id-dritt li jitlob li l-kuntratt jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fid-dawl tad-digriet tal-Qorti. Il-Ministru Owen Bonnici qal li ma jaqbilx u kellha tkun segwita l-aġenda b’affarijiet oħra jkunu diskussi wara li jsir ix-xogħol fuq l-aġenda. Tonio Fenech qal li talba lill-Ispeaker għal ruling tista’ ssir minn kwalunkwe Membru fi kwalunkwe ħin u żied li hu se jagħmel talba f’dan is-sens.
Konrad Mizzi jirrifjuta li jwieġeb domandi tal-Oppożizzjoni
Il-Ministru Konrad Mizzi irrifjuta li jwieġeb għal domandi supplementari ta’ Membri tal-Oppożizzjoni bl-iskuża li dawn ma kinux relatati mad-domanda oriġinali. Mill-banda l-oħra, filwaqt li ħa ħafna mill-ħin tal-mistoqsijiet, elabora fit-tul bi tweġiba għal domanda tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Id-domandi kienu relatati ma’ mistoqsija parlamentari li ilha madwar sena li saret jiġifieri mit-30 ta’ Mejju, 2013. Il-membri tal-Oppożizzjoni talbu lill-Ministru Mizzi biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra għallinqas dokument wieħed li juri li saru kuntratti li jorbtu prezz fiss għal għaxar snin. Dan fid-dawl li l-Ministru Konrad Mizzi qal li jeżistu dawn it-tip ta’ kuntratti.
Għad-diversi mistoqsijiet mid-Deputati Nazzjonalisti Ryan Callus, George Pullicino, Marthese Portelli u David Agius dwar il-kuntratt ta’ 400 miljun ewro iffirmat mill-Gvern dwar il-bini ta’ power station tal-gass, il-Ministru Mizzi baqa’ jsostni li dawk id-domandi ma kinux relatati mad-domanda oriġinali u għalhekk kellhom isiru bil-miktub. Sostna wkoll li ma kellux diffikulta’ jweġibhom jekk isiru bil-proċedura normali tar-regoli tal-Parlament.
Il-Ministru Mizzi ftaħar li l-Gvern mexa bi trasparenza sħiħa iżda baqa’ ma weġibx lill-Oppożizzjoni. Hu ġie mitlub ukoll biex jagħti eżempju wieħed ta’ kuntratt li jorbot prezz fiss għal għaxar snin.
Konrad Mizzi qal li għalkemm dawn il-kuntratti jeżistu u hu ġie muri bħalhom, ma setax ipoġġi kopja ta’ dokument bħal dan għaliex dawn huma kuntratti kummerċjali u mhumiex ftehim li ffirma hu. Qal ukoll li l-Gvern ma ffirmax kuntratt ta’ għaxar snin iżda ta’ ħames snin għax hekk jaqbel lill-pajjiż. Konrad Mizzi la ried jgħid ma’ min ġie ffirmat il-kuntratt tal-power station u lanqas meta se jkun ippubblikat minkejja l-wegħda tal-Prim Ministru li jsir dan.
Filwaqt li baqa’ ripetutament jirrifjuta li jwieġeb lill-Oppożizzjoni u anke jitlob il-protezzjoni tal-Ispeaker, il-Ministru Mizzi ma sabx diffikulta’ jwieġeb fit-tul lid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis li talbu jgħid kif il-proġett se jsir minkejja li l-PN qabel l-elezzjoni kienu jgħidu li hi ħrafa.
Il-Ministru Mizzi attakka lill-Partit Nazzjonalista għaliex ma kienx kapaċi jraħħas il-kontijiet tad-dawl. Għal interruzzjonijiet li bdew isiru mill-Oppożizzjoni, il-Ministru Mizzi talab il-protezzjoni tal-Ispeaker għaliex qal li kienu qed igerfxulu l-‘flow’.
//= $special ?>