Parlament

Kontribut miż-żgħażagħ fil-Kunsilli Lokali

Meta kompliet id-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, id-Deputat Ċensu Galea fakkar li fit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista ma riedx li l-partiti politiċi jikkontestaw. Iżda mbagħad ħadem permezz ta’ persuni hekk imsejħa indipendenti li kulħadd jaf li ma kienu indipendenti xejn.

Filwaqt li tkellem dwar ir-rwol tal-Kunsill Lokali fil-konfront tar-residenti tal-lokalità, Ċensu Galea tkellem dwar iċ-ċirkostanzi partikolari tal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, lokalità li hi miżgħuda b’residenti minn nazzjonalitajiet differenti. Hu qal li skont ir-reġistru elettorali, tnejn minn kull ħamsa eliġibbli għall-vot f’San Pawl il-Baħar huma barranin. Dan ma jinkludix lil dawk il-barranin li għaliex mhumiex minn pajjiżi tal-UE m’humiex imniżżla fir-reġistru elettorali.

Ċensu Galea tkellem ukoll dwar l-importanza li l-Kunsill Lokali għandu jagħti għall-integrazzjoni soċjali. Dan jinħass b’mod aktar qawwi fejn din ir-realta’ soċjali hi aktar kbira.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar iż-żieda tal-popolazzjoni fl-istess lokalita’ matul ix-xhur tas-sajf u kif dawn ikunu qed ipoġġu piż fuq il-Kunsill meta r-residenza uffiċjali tagħhom tkun f’lokalita’ oħra. Għalhekk is-sehem tal-kontribuzzjoni tal-Istat lill-Kunsill imur għand din tal-aħħar.

Id-Deputat Nazzjonalista Giovanna Debono ħeġġet biex il-kollaborazzjoni li kien hemm bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsilli Lokali tibqa’. Hi qalet li kummenti li tisma’ jindikaw li din il-kollaborazzjoni qed tonqos.

Giovanna Debono qalet li l-vot liż-żgħażagħ se jgħin biex ‘il quddiem numru akbar ta’ żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-politika.

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg qal li hu konvint li l-fiduċja li qed tingħata liż-żgħażagħ illum se tissarraf b’mod pożittiv fil-futur. Hu tkellem dwar l-għajnuna li għandu jkollhom il-Kunsilli Lokali biex ikunu jistgħu jaħgtu s-servizz mistenni minnhom lir-residenti. Staqsa wkoll x’qed isir mill-Gvern biex il-Kunsilli Lokali jgawdu mill-fondi li għandhom disponibbli tal-UE.

Antoine Borg qal li hu importanti li jkunu definiti ċari liema huma r-responsabbiltajiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Gvern Ċentrali għaliex huma diversi ċ-ċirkostanzi li fihom naħa titfa’ r-responsabbilta’ fuq in-naħa l-oħra u jispiċċa ma jsir xejn.