Investigatur li jispeċjalizza fl-espedizzjonijiet ta’ taħt il-baħar hu konvint li, fil-ġimgħat li ġejjin, jista’ jipprovdi l-ewwel provi arkeoloġiċi ‘storiċi’ b’konnessjoni mal-iskoperta tal-Amerika minn Kristofru Kolombu.
Dan meta l-investigatur, Barry Clifford, jemmen bis-sħiħ li nstabu l-fdalijiet tax-xini ‘Santa Maria’ li kien uża Kolombu waqt l-espedizzjoni famuża tiegħu. Il-fdalijiet jinsabu f’qigħ il-baħar, ‘il hinn mill-kosta ta’ Haiti fid-direzzjoni tat-Tramuntana, u bi Clifford itenni li ‘l-indikazzjonijiet huma aktar minn favorevoli’ – dejjem skont l-evalwazzjonijiet mill-membri tal-iskwadra tiegħu li ġibdu wkoll ir-ritratti fis-sit speċifiku.
Fil-preżent, Clifford qed jaħdem mal-Gvern ta’ Haiti biex jipproteġi din iz-zona u bl-iskop li jippermettu għal investigazzjoni aktar dettaljata.
Minbarra s-‘Santa Maria’, żewġ xwieni oħra – il-‘La Nina’ u l-‘La Pinta’ – ukoll kienu involuti fl-espedizzjoni storika tal-1492, meta Kolombu u n-nies ta’ miegħu esploraw il-gżejjer tal-Karibew biex isibu rotta ġdida lejn l-Asja mill-Punent.
Is-Santa Maria – li kienet il-flagship proprja tal-esploratur – intilfet waqt l-espedizzjoni u ftit qabel Kolombu kien irritorna fi Spanja.
Sadanittant, Clifford qed jinsisti li l-aħħar provi ġeografiċi, marittimi u arkeoloġiċi lkoll jissuġġerixxu ‘li x-xini, sa fl-aħħar, instabet’.
L-Amerikan hu aktar konvint mis-sejba wara li l-bugħaddasa niżlu fis-sit fejn hemm il-fdalijiet tal-allegata ‘Santa Maria’ u lemħu kanun li jmur lura għas-seklu ħmistax.
Madankollu jeħtieġ li jsir xorta x-xogħol ta’ skavar f’dan is-sit qabel jistgħu jidentifikaw l-identita tax-xini, mija-fil-mija.
//= $special ?>

