L-Emenda Kostituzzjonali li saret fil-Liġi Maltija wara Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni permezz tal-Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Djalogu Soċjali u d-Drittijiet Ċivili Claudette Buttigieg biex ikun żgurat li f’pajjiżna ma tkun ittollerata l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni sesswali, kienet pass kbir ‘il quddiem. Dan għaliex Malta fehmet il-valur li temenda l-Kostituzzjoni u sservi ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn.
Kien dan il-messaġġ tal-Membru Parlamentari Ewropew Michael Cashman, li ntlaqa’ b’applaws minn dawk preżenti fil-konferenza internazzjonali ta’ jumejn fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Omofobija u t-Transfobija (IDAHO Forum), li jiġi ċċelebrat fis-17 ta’ Mejju. Dan il-Forum, li qed isir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, hu organizzat bejn Malta u l-Iżvezja u qed jara l-parteċipazzjoni ta’ diversi Ministri barranin u delegati minn numru kbir ta’ pajjiżi. Fl-udjenza spikka wkoll Cyrus Engerer, konsulent tal-Gvern Malti dwar id-drittijiet tal-komunità LGBT.
Cashman, li bħala politiku tal-Partit Laburista Ingliż ipoġġi fuq il-bankijiet tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, fejn hu wkoll kelliem tal-Labour Ingliż għad-drittijiet tal-bniedem, tenna dan f’kummenti ma’ MaltaRightNow.com. Hu qal li din hi emenda mportanti ħafna, mhux biss għall-komunità LGBTI, iżda wkoll għal ħuthom, ommijiethom u missirijiethom, il-familji tagħhom u sħabhom. Dan għaliex huma issa jistgħu jħossuhom parti u ugwali mis-soċjetà. Malta, bħala pajjiż żgħir, bagħat messaġġ lill-kumplament tad-demokraziji tal-Punent li jekk ikollok kuraġġ, konvinzjoni u prinċipju, tipproteġi d-drittijiet tal-poplu tiegħek fil-Kostituzzjoni.
Filwaqt li qal li Malta hu l-uniku pajjiż li tinkludi l-identità abbażi tas-sess fil-kostituzzjoni, Cashman faħħar ukoll il-ħidma ta’ Claudette Buttigieg f’dan il-qasam. Saħaq li Buttigieg għandha tħossha mmensament kburija bl-emenda li ressqet, għal dak li għamlet u li grazzi għaliha rnexxielu jbiddel f’realtà din il-Mozzjoni.
Kelliem ieħor fil-Forum kien il-Ministru għall-Integrazzjoni Żvediż Erik Ulenhag. Fid-diskors tiegħu, hu staqsa għaliex hu daqshekk diffiċli li wieħed jifhem li orjentazzjoni sesswali hi dritt uman daqs kull dritt bażiku ieħor. Ma’ MaltaRightNow.com, hu wkoll tkellem dwar l-Emenda Kostituzzjonali kontra kull diskriminazzjoni sesswali, li saret wara Mozzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Qal li jinsab impressjonat bil-bidla li saret fl-aħħar ħames sa 10 snin. Din l-Emenda li tressqet mill-Oppożizzjoni hu pass ‘il quddiem għad-drittijiet umani u t-trattament ugwali ta’ kulħadd. Għaldaqstant, esprima ruħu mpressjonat bil-progress kbir li sar f’dan il-qasam.
Fost il-kelliema f’din il-konferenza, kien hemm ukoll il-Ministru tad-Drittijiet Ċivili Helena Dalli, li appellat lill-Gvernijiet biex jagħmlu l-parti tagħhom u jiġġieldu d-diskriminazzjoni ta’ kull tip, kif ukoll il-fastidju fil-post tax-xogħol. Matul il-konferenza ħareġ ukoll li Malta għamlet avvanz sostanzjali f’dak l għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-omosesswali f’dik li tissejjaħ il-Gay Scoresheet.
//= $special ?>

