Fid-dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt il-programm “Reporter” tat-Tnejn li għadda, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat inqabad jigdeb dwar żewġ affarijiet kompletament differenti. Muscat inqabad jigdeb dwar l-iffirmar tal-kuntratt mal-konsorzju Eletrogas li suppost se jibni l-Power Station il-ġdida sa Marzu 2015 u jipprovdi l-gass għat-18-il sena li ġejjin.
Iżda Muscat biddel ukoll il-verżjoni dwar l-adozzjoni minn persuni tal-istess sess. Waqt il-programm ta x’jifhem li l-adozzjoni tal-gays kienet parti mill-Programm Elettorali Laburista u li dan minn dejjem kien it-twemmin tiegħu. Iżda dak li jemmen fih Muscat kien għal kollox differenti minn dak li qal li jemmen fih waqt il-programm “Affari Tagħna” fl-2010.
Waqt Reporter, Muscat ammetta din il-u-turn u qal li l-pożizzjoni biddilha u, skont hu, intqalet b’mod ċar qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Iżda meta kien mistoqsi dwar l-adozzjoni tat-tfal minn persuni gay waqt il-kampanja elettorali f’Jannar 2014, Muscat qal li l-interess tat-tfal jiġi l-ewwel u li ma jemminx li hemm bżonn tibdil fil-Liġi għal dak li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni.
Iżda fir-realtà l-Liġi nbidlet u kienet propju l-insistenza ta’ Muscat dwar l-inklużjoni tal-adozzjoni tat-tfal li wasslet lill-Oppożizzjoni biex tastjeni għalkemm kienet lesta tivvota favur il-Liġi tal-Unjoni Ċivili. Waqt il-programm, Simon Busuttil ikkonfronta lil Muscat u qallu li l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess ma kinitx fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista, b’Muscat jinsisti li kienet ċara u tonda fil-Programm Elettorali Laburista.
Iżda ħarsa lejn il-Kapitlu 6, li jittratta l-Libertajiet Ċivili, fil-Manifest Elettorali “Malta Tagħna Lkoll” kienet biżżejjed biex turi min kien fattwali u min kien qed jigdeb. Fil-fatt, il-Manifest Elettorali Laburista ma jagħmel l-ebda referenza għal tibdil fil-Liġi biex tkun tista’ ssir adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess.
//= $special ?>